Saturday, December 14, 2024

Għaliex il-bejgħ ta’ Manchester United qed ikarkar daqstant?

Aqra wkoll

Il-partitarji ta’ Manchester United jinsabu fuq ix-xwiek hekk kif qed jistennew l-eżitu tal-bejgħ tal-club bejn il-ban­kier mill-Qatar, is-Sheikh Jassim u s-sid tal-kumpanija INEOS, il-Britanniku Jim Ratcliffe.  

Is-sidien ta’ Manchester United, il-familja Glazer, f’Novembru li għadda ħabbru li l-club jinsab għall-bejgħ fejn it-talba kienet dik ta’ £6 biljuni. 

Iżda filwaqt li kien hemm bosta offeren­ti, dawn iż-żewġ “sfidanti” baqgħu fit-taqtiegħa għall-kisba ta’ Old Trafford. 

Peró ħadd minnhom ma wasal biex iħallas din iċ-ċifra fejn offrew ukoll bosta alternattivi. 

Filwaqt li l-Qatari jrid li huwa jieħu l-kontroll assolut tal-club billi offra £5.3 biljuni, Ratcliffe offra lil Glazers li jkunu az­zjonisti filwaqt li jħallas għas-sehem tiegħu li jammonta għal £3.5 biljuni. 

Il-fatt li dan il-bejgħ qed ikarkar daqstant huwa minħabba li l-familja Glazer hija komposta minn sitt aħwa, b’Joel u Avram, qed jidhru għall-erbgħa l-oħra. 

Huwa fatt magħruf li l-aħwa huma maqsumin fid-deċiżjonijiet tagħhom minħabba li hemm minnhom li jridu jibqgħu fuq il-bord tad-diretturi filwaqt li l-oħrajn iridu l-flus u ma jkollhom x’jaqsmu xejn aktar mal-club. 

Iżda Joel u Avram huma konxji mill-profitti li jħalli dan il-club u għaldaqstant iridu jibqgħu azzjonisti. 

Fil-veritá l-offerta tal-Qatari hija l-aħjar waħda għall-club u għall-partitarji iżda ż-żewġ Amerikani qed jikkunsidraw l-offerta ta’ Ratcliffe minħabba li tissodisfa l-kriterji tagħhom. 

Il-fatt li sakemm qed jinkiteb dan l-artiklu ma ħarġet l-ebda aħbar dwar is-sid il-ġdid ta’ Manchester United, ifisser li kemm is-Sheikh kif ukoll Ratcliffe għadhom fit-taqtiegħa. 

Hekk kif ikun hemm indikazzjoni ċkej­kna tad-deċiżjoni tal-Glazers, bla dubju, se tinstema’ mal-erbat irjieħ tad-dinja bħal-leħħa ta’ berqa … għalkemm il-kamp ta’ Jassim diġá qed ikanta vittorja.

Peró fil-jiem li ġejjin trid tittieħed deċiżjoni. Nistennew u naraw. 

Ekonomija

Sport