Miktub minn BENNY BORG BONELLO
Fl-aħħar artiklu semmejt li l-aktar ħsara li qed nagħmlu fl-ambjent hi l-ammont ta’ karbonju li qed nitfgħu fl-arja. Semmejt li l-karozzi l-aktar li jagħmlu ħsara peress li l-maġġoranza tal-karozzi li għandna ma jħarsux l-ambjent għaliex jużaw petrol jew agħar minhekk id-diżil. Semmejt li ħafna ma jużawx it-trasport pubbliku minħabba diversi raġunijiet fosthom li t-trasport pubbliku ma tistax tiddependi fuqu. Hawn meta nsemmi t-trasport pubbliku qed nirreferi għal tal-linja.
Hemm diversi raġunijiet li kollha jwasslu għall-fatt li qatt ma tista’ tgħid il-ħin li t-trasport pubbliku jwasslek post. Nitkellmu ċar, hi ħasra għaliex il-vantaġġ kbir li għandu t-trasport pubbliku hu li jwasslek tista’ tgħid kullimkien ma’ Malta u Għawdex kollu. Dan barra l-fatt li l-prezzijiet li nħallsu, mhux għoljin u aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar il-Gvern qed jagħti għajnuna biex il-prezzijiet jinżlu aktar.
Dan barra l-fatt li l-karozzi saru aħjar. Il-maġġoranza tal-karozzi huma moderni u barra li huma aktar komdi jagħmlu anqas storbju u jipprovdulek anki l-Wi-Fi.
Il-problemi li hemm fit-trasport pubbliku ġejjin minn diversi bnadi. Min-naħa, il-kumpanija mhix daqshekk flessibli li tieħu azzjoni meta tinqala’ xi problema u minħabba f’hekk numru ta’ servizzi ma jingħatawx. Din tirrabja ħafna nies speċjalment meta jkunu l-Belt u jaraw ammont kbir ta’ karozzi u xufiera u fl-istess ħin ma jsir xejn meta l-karozza tagħhom ddum ma tasal. Aktar jirrabjaw għaliex it-tabelli elettroniċi li juru l-ħin li kellha titlaq il-karozza, jaraw il-ħin jinqaleb mingħajr ma titlaq karozza. Kollox jibqa’ għaddej mingħajr ma jsir xejn.
Fejn qabel id-dispatcher kien jara x’jagħmel meta karozza ddum ma tasal il-Belt, illum ma jsir xejn. In-nies ikollhom jistennew. Aktar ma jistennew il-problema tikber għax il-karozza titlaq mill- Belt mimlija u n-nies fuq l-istages l-oħra jiddispraw jaraw il-karozza tagħhom tibqa’ għaddejja għax mimlija u huma jkollhom jerġgħu jistennew karozza oħra.
Biss l-akbar problemi ġejjin minħabba t-traffiku li hawn. Hu tajjeb li ntejbu t-toroq tagħna u li nagħmluhom aktar effiċjenti biex il-karozzi jgħaddu aktar malajr. Imma dawn ma jsolvux il-problema kollha għal diversi raġunijiet. Raġuni minnhom hi li ħafna mit-toroq fl-ibliet u rħula tagħna huma dojoq u ma jistgħux jitwessgħu jekk ma nwaqqgħux il-bini – xi ħaġa li żgur mhi aċċettabbli għal ħadd. Għalhekk kif il-karozzi jaslu fl-aħħar tat-toroq il-ġodda jew ikollhom jgħaddu minn ġo xi belt jew raħal, jerġgħu jiffaċċjaw il-problemi għax jeħlu.
Jekk verament irridu li n-nies jużaw aktar il-karozzi tal-linja, ma jistax ikun li nagħmlu bħal ma qed nagħmlu llum li nistmawhom daqs karozzi oħra. Jekk irridu li aktar nies jużaw il-karozzi tal-linja, irridu li dawn jaslu aktar malajr. Biex isir dan, irridu nagħtuhom vantaġġ lil tal-linja fuq il-karozzi privati. Dan għaliex tal-linja diġa’ għandhom żvantaġġ enormi li fl-ibliet u rħula ikollhom, kull żewġ kantunieri, jieqfu fl-istages biex itellgħu u jniżżlu l-passiġġieri.
Dan hu żvantaġġ enormi għaliex jekk wieħed jikkalkula l-ħin li karozza tal-linja tieħu fuq l-istages isib li dan ikun parti kbira mill-ħin tal-vjaġġ kollu. Fil-ħinijiet li jkun hemm ħafna traffiku, speċjalment meta n-nies ikunu serjin u ġejjin għax-xogħol, il-karozzi tal-linja jaħlu ħafna ħin biex joħorġu minn fuq kull stage. Jien nemmen li jekk il-karozza tal-linja tingħata prijorita’ u t-traffiku jkollu jieqaf biex din toħroġ inkunu diġa’ qed innaqqsu l-ħin tal-vjaġġ.
Biss il-prijorita’ mhux hemm biss għandha ssir. Bħal ma qed insemmi kif il-karozzi tal-linja għandhom jingħataw prijorita’ meta jkunu ħerġin minfuq l-istage, l-istess għandhom jingħataw prijorita’ fit-toroq. Sfortunatament, din il-ħaġa dan l-aħħar marret lura, għaliex minflok żidna l-bus lanes, dawn naqqasnihom u b’hekk erġajna tfajna tal-linja aktar lura.
Jien nemmen li rridu nerġgħu nagħmlu aktar bus lanes li għandhom jintużaw ukoll minn dawk il-vetturi li jaħdmu b’sistemi li jitfgħu fl-arja anqas dħaħen u gassijiet. Għalhekk dawn il-lanes ikunu jistgħu jintużaw mill-karozzi tal-linja, roti, muturi u karozzi privati li jkollhom mill-anqas żewġ passiġġieri jew jużaw enerġija bħall-elettriku.
Naf li ħafna min-nies ma jaqblux ma’ dan, għax ifisser li meta tuża l-karozza privata tiegħek ser tieħu ħin aktar biex tasal fejn trid. Biss dan hu l-unika mezz li hemm biex innaqqsu mit-traffiku u nbiddlu d-drawwiet tagħna li jinkludu li biex immorru x’imkien bilfors irridu nużaw il-karozza tagħna. Hu b’hekk biss li nistgħu nnaqqsu l-ħsara li qed nagħmlu fl-ambjent biex naslu minn post għall-ieħor.
Problema oħra tat-traffiku hi n-nuqqas ta’ management tat-traffiku. Insemmi l-każ tal-Fgura bħala eżempju. Triq Ħaż-Żabbar hi triq prinċipali tagħti sew għall-Fgura, Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn li bejniethom għandhom popolazzjoni ta’ ‘l fuq minn 40,000. Jekk nieħdu t-tul tagħha għandha madwar 8 kantunieri. Fiha 4 roundabouts li dejjem huma mimlijin traffiku. Fiha wkoll 7 ‘crossings’ minfejn jaqsmu n-nies.
Jekk nieħdu l-‘crossings’ dawn mhux ikkoordinati ma’ xulxin. Barra minhekk fejn huma kkontrollati mid-dwal, m’hemmx ħin partikolari meta jaqilbu u jinqalbu kull meta jkun hemm nies ser jaqsmu. Mhux l-ewwel darba li lanqas biss ikunu għaddew żewġ minuti li d-dwal ma jerġgħux jinqalbu biex jaqsmu n-nies. Jekk il-ħinijiet tal-‘crossings’ ikunu fissi, it-traffiku jgħaġġel aktar.
Barra minhekk, dawn il-crossings huma f’nofs kantunieri. Għalhekk it-traffiku li jgħaddi minn din il-biċċa triq barra li jeħel fir-roundabouts, jerġa’ jeħel f’nofs il-kantunieri. Jien ma nistax nifhem għaliex dawn il-‘crossings’ ma jsirux sew mar-roundabouts u sew fil-kantunieri bħal ma huma tista’ tgħid fil-pajjiżi kollha. Jekk isir hekk u nikkoordinaw il-ħin ta’ meta jaqilbu d-dwal biex jaqsmu n-nies, żgur innaqqsu l-ħin biex it-traffiku jgħaddi minn din it-triq prinċipali. Mhux ta’ b’xejn li minn survey li kien sar xi snin ilu, din it-triq kienet instabet li kienet waħda mill-aktar toroq li huma kkontaminati bid-dħaħen u l-gassijiet tal-karozzi. Ma ninsewx li barra li qed iħassru l-ambjent qed joffru waħda mill-agħar atmosfera fejn fiha jridu jgħixu n-nies. Dan barra l-istorbju tal-karozzi li hemm.
‘Il fuq semmejt li t-traffiku l-aktar li jiżdied hu meta n-nies ikunu sejrin għax-xogħol. Din waħedha tissuġġerixxi li kieku jsiru arranġamenti mill-postijiet tax-xogħol biex il-ħaddiema jużaw mezzi komuni ta’ trasport, nerġgħu nagħmlu pass ieħor lejn ambjent aħjar.
Il-problema tagħna hi li ftit huma dawk in-nies li jgħaqqdu l-kwalita’ tal-ambjent li ngħixu fih ma’ kif ngħixu kull wieħed u waħda minnha. Dan li semmejt aktar ‘il fuq hu aspett wieħed għax illum hemm mezzi oħra ta’ trasport bħal ma huma roti b’elettriku, karozzi mikrija biex tkopri vjaġġ eċċ. Dawn huma mezzi li aħna rridu nidraw nużaw. Mezzi li sfortunatament għadhom ma ħadux. Biex jieħdu dawn irridu nagħtuhom vantaġġ.
Din is-sena sar pass importanti biex negħlbu din l-isfida li ser tipperikola ħajjietna. Għall-ewwel darba qed naraw li l-Ministeru li hu responsabbli għall-ambjent qed jara l-istampa l-kbira ta’ din il-problema u għalhekk qed jieħu passi koordinati. Dan għaliex il-Ministru Aaron Farrugia hu konxju tal-konsegwenzi jekk ma nieħdux il-passi meħtieġa. Dan joħroġ ċar minn dak li qal riċentament il-Ministru Farrugia meta qal li llum ħafna jitkellmu fuq l-immigranti imma ftit jirrealizzaw li jekk ser