Minkejja stennija li lejn l-aħħar ta’ din is-sena kellha tikkalma iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, is-sitwazzjoni baqgħet waħda preokkupanti ħafna. Il-prezzijiet tal-ikel qegħdin jibqgħu jogħlew jew baqgħu f’livelli għoljin. Waqt li fl-Unjoni Ewropea għandna sitwazzjoni fejn ir-rata ta’ inflazzjoni annwali qiegħda tonqos, ir-rata ta’ inflazzjoni fuq il-prodotti tal-ikel qiegħda tiżdied. Din hi xi ħaġa li qiegħda taffettwa b’mod negattiv ħafna lil familji vulnerabbli u dawk bi dħul baxx.
Jekk wieħed ikollu janalizza dak li qed iseħħ fl-Unjoni Ewropea, wieħed jista’ faċilment jara li l-inflazzjoni fiż-żona Ewro naqset. Minn rata ta’ 10.6 fil-mija għaż-żona Ewroa jew 11.5 fil-mija għall-Unjoni Ewropea kollha f’Ottubru tas-sena 2022, din issa niżlet għal 2.9 fil-mija, waqt li r-rata ta’ inflazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha kienet ta 3.6 fil-mija f’Ottubru.
Lil hinn minn dan imma, l-inflazzjoni marbuta direttament mal-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel baqgħet f’livelli għoljin u din qiegħeda tkompli tnaqqar il-livell tal-għixien ta’ ħafna familji u pensjonanti.
Jekk wieħed janalizza l-istatistika tal-Eurostat isib li l-inflazzjoni reali għall-prodotti tal-ikel, li hija r-rata tal-inflazzjoni tal-ikel li minnha tnaqqas l-inflazzjoni ġenerali, kienet ta’ 4.6 fil-mija fiż-żona Euro f’Ottubru tas-sena 2023. Għall-Unjoni Ewropea ir-rata kienet ta’ 4 fil-mija.
Jekk wieħed janalizza l-pajjiżi isib li pajjiżna hu ma’ dawk ta’ fuq fejn tidħol l-inflazzjoni fil-prodotti ta-ikel. L-akbar rata ta’ inflazzjoni fi prodotti tal-ikel tinsab fit-Turkija bi 11 fil-mija segwit mill-Belġju b’10.9 fil-mija, l-Olanda bi 8.8 fil-mija, il-Greċja b’6.6 fil-mija, Spanja b’5.9 fil-mija u l-Lussemburgu u l-Itajla b’ 5.8 fil-mija u 4.9 rispettivament. Malta għandha rata ta’ 3.9 fil-mija f’dik li hi inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel li hi 0.1 perċentwal inqas mir-rata tal-Unjoni Ewropea.
Wieħed ma jistax ma jistaqsix għaliex qiegħed iseħħ dan? Għaliex il-prezzijiet tal-ikel baqgħu bi prezzijiet għaljin? F’pajjiżi oħra Ewropej, iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel hi attribwita għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija.
F’pajjiżna mhux biss qegħdin nesperjenzaw din iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, imma anke qegħdin naraw servizzi marbutin ma’ ċertu oqmsa fosthom l-ikel, li l-prezzijiet taa’ għadd ta’ prodotti żdiedu sostanzjalment.
Fejn jirrigwarda l-pajjiżna nemmnu li hemm bżonn analiżi tas-suq. Analiżi li għandha tistabbilixxi b’mod ċar x’qed iwassal biex f’pajjiżna għandna waħda mill-ogħla rati ta’ inflazzjoni fuq prodotti tal-ikel. M’hemm ebda dubju li hemm min qiegħed jabbuża mill-pożizzjoni dominanti u b’saħħitha fis-suq. Din hi sitwazzjoni li qiegħda xxekkel is-suq uniku Ewropew.
Huwa ċar li l-benefiċċji intenzjonati tas-Suq Uniku Ewropew mhux qed jinħassu bl-istess mod ġewwa pajjiżna bħalma jinħassu f’pajjiżi oħra. Hi inaċċettabbli li ż-żidiet li ngħataw lill-familji għall-għoli tal-ħajja jispiċċaw fil-bwiet ta’ kumpaniji b’monopolji fis-suq. Nemmnu li din is-sitwazzjoni m’għandhiex ittul aktar. Hemm bżonn investigazzjoni sħiħa dwar x’qed jiġri f’pajjiżna u għaliex il-konsumaturi qegħdin iħallsu aktar għall-prodotti tal-ikel. Nemmnu li l-konsumaturi għandhom jkollhom l-għodda f’idejhom biex ikun mgħarrfa dwar il-prezzijiet, u dan billi l-prezzijiet tal-prodotti u kemm suppost jinbiegħu ikunu pubblikati. It-trasparenza kil-prezzijiet hu waħda mill-aqwa għodod biex tiġġieled l-abbuż.