Monday, June 23, 2025

Għaliex issa?

Aqra wkoll

Sakemm qed inħejji dan il-kummentarju x-xena lokali għadha dominata mir-riżenja ta’ Bernard Grech minn Kap tal-Partit Nazzjonalista u minn dak li żviluppa minn wara tali riżenja. Partikolarment ir-rifjut ta’ Roberta Metsola li tħalli s-salarju u l-perkaċċi ta’ Brussell u tidħol hi għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Imma mhux hekk biss. Kien hemm ukoll diversi kitbiet ‘awtorevoli’ dwar dak li seħħ, bħalma kienet il-kitba ta’ Ray Bezzina, konsulent ta’ Bernard Grech, intitolata ‘Real Hope’ fil-gazzetta MaltaToday tal-Ħadd 15 ta’ Ġunju, 2025. Trid iżżomm biss f’moħħok li meta Roberta Metsola fil-kampanja elettorali tal-Parlament Ewopew f’Ġunju ta’ sena ilu indirizzat attività tal-massa kellha fl-isfond, warajha, bandiera Maltija daqs dinja u fuqha b’ittri ġganteski l-kelma ‘HOPE’.

Kien hemm ukoll il-kumment ta’ Bernard Grech innifsu fuq NET TV wara r-riżenja tiegħu: Is-siġġu ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista issa huwa vakanti….issa huwa l-mument għal oħrajn biex jersqu ‘l quddiem. Meta trid tkun ta’ ġid għal pajjiżek, mhix kwistjoni ta’ ħin…mhux meta l-aħ

jar jaqbel lilek, imma meta l-aktar li jaqbel lil pajjiżek u lill-partit li tħobb”.  

Żewġ gremxuliet fuq Filfla meta semgħu dan il-kumment ħarsu lejn xulxin u tbissmu b’konferma li fehmu lejn min kien indirizzat tali messaġġ.

Mhux beħsiebni nidħol u nanalizza kitbiet u messaġġi bħal dawn. Xtaqt u ddeċidejt li naqbad id-deċiżjoni ta’ Bernard Grech minn angolu differenti. Angolu bażat fuq dak li qal hu, fuq dak li stqarr, fl-istqarrija tiegħu dwar ir-riżenja.

Bernard Grech ta ħarsa lura lejn il-ħames snin li għaddew, kemm kien ilu Kap tal-Partit Nazzjonalista, u qal x’sab, x’għamel u x’qiegħed iħalli bħala wirt lill-Kap li se jiġi warajh. Bernard Grech stqarr li sab Partit Nazzjonalista imfarrak, bla ma qal min fil-verità ġabu f’tali sitwazzjoni. Lanqas hawn mhux se nidħol fl-intriċċi li saru biex ittajjar Adrian Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista u kif finalment sab ruħu fit-tmexxija Bernard Grech. Għad iridu jgħaddu s-snin biex finalment ikun hemm min tmissu l-kuxjenza u jikteb il-verità kollha u xejn inqas mill-verità kollha dwar l-assassinju politiku ta’ Adrian Delia. Imma dwar dan l-episodju tal-Partit Nazzjonalista nassigurak li ssibu interessanti l-artiklu ta’ Clyde Puli, eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u eks-Deputat Parlamentari Nazzjonalista fil-ħarġa tal-Ħadd, 15 ta’ Ġunju, 2025, tal-gazzetta Illum.

Inkompli fuq x’qal Bernard Grech. Qal li rnexxielu jgħaqqad mill-ġdid lill-Partit Nazzjonalista. Qal li qabbad lill-Partit Nazzjonalista fit-triq it-tajba anke jekk għall-konvenjenza ‘nesa’ li l-akbar telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista, dik tal-Elezzjoni Ġenerali tas-sena 2022 b’distakk ta’ 40,000 vot seħħet taħtu. Bernard Grech irrefera għal telfa oħra elettorali Nazzjonalista taħtu, dik tal-Parlament Ewropew tas-sena li għaddiet u ttimbraha bħala ‘rebħa morali’ għax tilef b’distakk ta’ 8,000 vot. 

Lanqas hawn ma jien se nidħlu fil-mertu ta’ dak ir-riżultat. Ngħid biss li dak ir-riżultat kien b’konsegwenza għall-mod kif hemm min taħt Gvern Laburista qed jittratta lil-Laburisti. Trattahom b’arroganza, kattiveriji u attitudnijiet li lanqas biss toħlomhom. Għalhekk kien hemm daqstant astensjonijiet min-naħa tal-Laburisti. 

Imma nkompli fuq Bernard Grech. Qalilna li se jħalli Partit Nazzjonalista ferm aħjar milli sabu. Qalilna li se jħalli Partit Nazzjonalista magħqud. Qalilna li se jħalli Partit Nazzjonalista fid-direzzjoni t-tajba. Qalilna li se jħalli Partit Nazzjonalista li kapaċi jkun alternattiva għall-Gvern Laburista.

U allura niġi għat-titlu ta’ dan il-kummentarju, Għaliex issa? Naħseb li l-aktar ħaġa loġika wara din ir-retorika ta’ Bernard Grech hija, bir-rispett kollu, it-titlu ta’ dan il-kummentarju. Għax jekk lill-Partit Nazzjonalista, skont Bernard Grech, għaddih mill-maltemp kollu u issa wasslu biex skont hu, idaħħlu fil-port, għaliex għandu jitlaq it-tmun minn idejh issa?

Sadattant irrid inkun onest u ġust ma’ Bernard Grech. Qalilna, tana x’nifhmu, li ‘iddejjaq’ il-ħin kollu fid-dell ta’ Roberta Metsola. ‘Iddejjaq’ li kull ftit jiem iqabblu l-popolarità tiegħu ma’ tagħha. ‘Iddejjaq’ li kull darba ‘lanqas jibda’ magħha.

U allura nazzarda ngħid li Bernard Grech finalment iddeċieda li jagħmel, skużawni nuża t-terminoloġija Ingliża, ‘called her and their bluff (u ta’ dawk warajha)’. 

L-istennija kienet loġika u lil Roberta Metsola qalulha, mill-ġdid bl-Ingliż, skużawni, ‘put your money where your mouth is’. 

U balleċ hekk għamlet. Qaltilhom ‘jien se nibqa’ Brussell’.

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport