Saturday, December 14, 2024

GĦALIEX KELLNA NASLU S’HAWN?

Aqra wkoll


Għaliex kellna nassistu għal każ ieħor ta’ qtil? Is-seba’ każ ta’ qtil għal din is-sena li għad baqgħalha xi ġimgħat biex tkun kapitlu magħluq. 71 każ ta’ qtil fi 11-il sena. Mara, omm li ħarget biex taqla l-ħobza ta’ kuljum u ma rritornatx lura d-dar ma’ uliedha. Għaliex illum f’soċjetà teknoloġikament avvanzata, f’soċjetà progressiva, f’soċjetà li suppost soċjalment sensittiva għandna nkunu hawn qed nirrapurtaw każijiet bħal dawn? Fejn qed tonqos is-soċjetà tagħna? Fiex qed infallu? Għaliex pprogressajna tant f’diversi oqsma u nibqgħu nesperjenzaw xeni bħal tal-bierah filgħodu? Għaliex ma tgħallimniex jew ma rrdux nitgħallmu? Bosta domandi bi ftit risposti. Domandi però li wasal iż-żmien jiġu indirizzati fil-fond u fl-immedjat għax is-soċjetà tagħna għanda toffri aktar u aħjar. Risposti biex verament s-soċjetà tagħna tistà tipprogressa pari passu mal-avvanzi li saru f’oqsma oħra. 

Filwaqt li uħud qed isibu konsolazzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet qegħdin isolvu l-każijiet u dawn responsabbli qed jiġu quddiem il-qrati tal-ġustizza, sfortunatament ilbieraħ persuna oħra ma laħqitx ġiet salvata fil-ħin. Skont informazzjoni b’rabta mal-każ, f’Awwissu, il-vittma għamlet rikors quddiem il-Qrati u wara li semgħu l-partijiet, il-Qorti ddeċidiet li toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.Dan il-każ kien segwit wara li f’Mejju li għadda kien sar rapport mill-vittma, il-pulizija infurmat li ħarġu l-akkużi fil-konfront tal-persuna suspettat iżda dan il-każ għadu ma nstemax quddiem il-Qrati u kien mistenni jinstema’ f’Novembru tas-sena d-dieħla. 

Din twassalna għal mistoqsija oħra. X’qed jiġri fil-qrati tagħna? Li persuna jkollha l-każ tagħha jinstema’ diversi xhur jew snin wara ma nemmnux li jagħmel sens. Tajjeb li nkunu ċari, għaddew biss ftit xhur mill-bidu tal-ħidma tal-Ministru rispettiv, u sa ċertu punt għad irridu naraw jekk kelmtu li l-ġustizzja tibda ssir fi żmien raġjonevoli tinżammx. Din mhux l-ewwel darba li qed niktbu dwar il-problema tal-qrati tagħna u dewmien f’diversi każi. Tajjeb li nirrikonoxxu li għandna problema kbira f’dan il-qasam u li għandna bżonn li minn hemm ngħaddu għall-pass li jmiss, li nibdew nidentifikaw u nindirizzaw kemm jista’ jkun il-każi li għandhom jitqiesu bħala prijorità biex kemm jista’ jkun la għada, la l-ġimgħa d-dieħla u lanqas qatt ma nkunu qed nħabbru iżjed imwiet ta’ dan il-ġeneru.

Nifhmu li l-inkjesta li nfetħet se tkun qiegħda tixħet dawl fuq jekk kienx hemm xi nuqqasijiet mill-awtoritajiet anke minħabba li l-qorti kienet ordnat protezzjoni lill-vittma sa ftit xhur qabel l-aħbar tal-mewt tagħha. 

Għalkemm l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u għad trid tinġabar iżjed evidenza l-ewwel indikazzjonijiet juru li din il-mara ma kinitx f’pożizzjoni li tiddefendi lilha nnifisha. L-għajnuna jidher li fittxitha, iżda sfat vittma ta’ nuqqas ta’ abbiltà li tipproteġi lilha nnifisha. Għad irridu nisimgħu ferm iżjed fuq dan il-każ u l-eżitu tiegħu, hawn ħafna li minnufih fetħulha fuq il-liġi tal-femiċidju li dan il-gvern ra li tiddaħħal biex il-ġustizzja tkompli ssir, iżda li hu żgur huwa li l-proċeduri fil-qorti jridu jħaffu l-pass, biex il-ġustizzja finalment tibda ssir fi żmien raġjonevoli u nevitaw li nżidu man-numri li aċċennajna għalihom fil-bidu ta’ fehmietna.

Ekonomija

Sport