Friday, November 22, 2024

GĦALIEX KWAŻI KULĦADD SAR IBATI B’XI ALLERĠIJA?

Aqra wkoll

Donnu aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar tisma’ nies jgħidulek li żviluppatilhom xi forma ta’ allerġija. Infatti huwa kkalkulat li bejn 30 u 40% tal-popolazzjoni dinjija tbati b’xi forma ta’ allerġija u l-perċentwal qed dejjem jikber.

Waħda mill-aktar teoriji msemmija wara din iż-żieda fl-allerġiji hija l-enfasi eċċessiva fuq l-iġjene li tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-sensittivitajiet. Maż-żmien il-bniedem sar jagħmel minn kollox biex ma jkunx espost għall-mikrobi. 

Spjegazzjoni oħra għaż-żieda fir-reazzjonijiet allerġiċi hija l-bidla fid-dieti tagħna matul is-snin lejn ikel aktar ipproċessat u b’inqas fibra, li taffettwa l-mikrobijomi tagħna. Jidher li hemm ukoll rabta bejn l-allerġiji u żieda fl-espożizzjoni għal tossiċi ambjentali, li jistgħu jnaqqsu l-abbiltà tal-ġilda li tevita l-allerġeni potenzjali.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tar-reazzjonijiet allerġiċi mhumiex fatali, madankollu irrispettivament minn kemm hi allerġija ħafifa jew severa, inevitabbilment tħalli impatt fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ persuna. Insemmu l-infieq ta’ flus fuq trattamenti kif ukoll is-sensazzjoni ta’ skumdità jew uġigħ.

Ħafna nies b’allerġiji ħfief isemmu spiss li ma jorqdux sew u għalhekk ma jkunux daqstant produttivi. Anke s-saħħa mentali tbati, bħalma jeżistu ħafna nies b’allerġiji moderati li jgħidulek li jbatu b’xi forma ta’ dipressjoni jew ansjetà. Nistgħu ngħidu li din hija korrelazzjoni u mhux kawża tal-allerġiji, imma jekk kontinwament tkun nieqes mill-irqad u ma tħossok xejn aħjar, dawn il-problemi jistgħu jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni.

Jingħad li sal-età ta’ tliet snin is-sistema immunitarja tkun stabbilita u diffiċli ħafna li tibdilha wara, għalhekk espożizzjonijiet bikrija għal ċerti affarijiet jidher li twassal tipproteġik. Studji li saru fuq tfal li kienu regolarment esposti għall-arja bit-trab fl-irziezet bl-annimali urew tendenza ta’ rati baxxi ta’ sensittività u rispons allerġiku ladarba kibru.

Jistgħu jkunu l-allerġeni fl-arja mħallta ma’ ċerti tipi ta’ mikrobi li jkunu fl-għelieqi. Iżda l-annimali jidhru li għandhom parti ewlenija. Infatti nstab ukoll li n-nies li jikbru f’dar b’pet għandhom it-tendenza li jkollhom rata ta’ allerġiji kemmxejn inqas minn dawk li jikbru f’dar mingħajr annimali domestiċi. Dan juri kemm iffissar żejjed fuq l-indafa u l-iġjene twassal toħloqlok problemi oħrajn f’saħħtek! Il-moderazzjoni hija importanti f’kollox, anke f’dal-każ!

Sport