L-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani huma tfakkira ċara ta’ kemm d-dinja tagħna hija interkonnessa. Ir-riperkussjonijiet mill-kunflitt tal-Golf qed jinfirxu malajr fl-ekonomija dinjija, qed jgħollu l-prezzijiet taż-żejt u tal-gass, u jgħollu l-prezz ta’ kollox, mis-sustanzi kimiċi sal-fertilizzanti u l-ikel.
F’dan iż-żmien ta’ tensjoni ġeopolitika li dejjem qed tiżdied, irridu noqorbu lejn dawk is-sħab li għandhom il-valuri u l-viżjoni tagħna ta’ dinja bbażata fuq ir-regoli.
Huwa għalhekk li llum ninsab l-Awstralja. Il-ġeografija tpoġġi lill-Unjoni Ewropea u lill-Awstralja fuq naħat opposti tad-dinja, u l-isfidi tal-lum jistgħu jwasslu biex dik id-distanza tinħass saħansitra akbar.
Iżda l-istorja tirrakkontalna xi ħaġa differenti. Kemm-il darba, permezz tal-kriżijiet tas-seklu li għadda li ddefinewna, ingħaqadna flimkien. M’aħniex stranġieri mbiegħda – kif jgħidu l-Awstraljani stess, aħna mates ta’ vera. U f’dan il-mument ta’ volatilità li reġa’ għandna, irridu nsaħħu dawn ir-rabtiet saħansitra aktar.
L-Awstralja tinsab fil-qalba tar-reġjun Indo-Paċifiku, reġjun li malajr qed isir il-qalba tal-ekonomija globali. Fih jgħixu madwar 60% tal-popolazzjoni tad-dinja u xi wħud mill-aktar ekonomiji li qed jikbru b’ħeffa fid-dinja. Aktar minn 40% tal-importazzjonijiet tal-UE jiġu mir-reġjun Indo-Paċifiku, u r-rotot marittimi li jaqsmuh huma s-sisien tal-prosperità tagħna. Għall-Ewropa, it-tisħiħ tal-konnessjonijiet mar-reġjun huwa bżonn strateġiku.
Kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Awstralja se tagħmel liż-żewġ soċjetajiet tagħna aktar siguri. Ilna żmien twil magħqudin flimkien biex niddefendu l-libertà, mill-bajjiet tan-Normandija sar-rwol tagħha llum bħala l-akbar sostenitur tal-Ukrajna li mhuwiex fin-NATO.
Kif qed jerġgħu juru l-avvenimenti attwali fil-Lvant Nofsani, l-instabbiltà f’reġjun wieħed tħalli effett lil hinn mill-fruntieri. L-istabbiltà tar-reġjun Indo-Paċifiku hija għalhekk inseparabbli mis-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa nnifisha.
Huwa għalhekk li qed invaraw is-Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża bejn l-UE u l-Awstralja. Din se tespandi l-eżerċizzji konġunti, tapprofondixxi l-kooperazzjoni dwar it-theddid ibridu ċibernetiku u żżid ir-rabta bejn l-industriji tad-difiża tagħna.
Il-kumpaniji Ewropej diġà għandhom preżenza kbira fl-Awstralja – Thales timpjega kważi 3 800 persuna hemmhekk u Rheinmetall hija l-akbar fornitur ta’ vetturi militari għall-Forzi tad-Difiża Awstraljani. Din is-sħubija se tkompli ssaħħaħ din il-kollaborazzjoni, toħloq ekonomiji ta’ skala u tnaqqas il-kostijiet fuq iż-żewġ naħat.
Il-prosperità kondiviża hija l-akbar garanti tas-sigurtà kondiviża. Dan huwa l-prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jiddefinixxi wkoll ir-relazzjoni tagħna mal-Awstralja. B’ekonomija ta’ €1.7 triljun, l-Awstralja diġà hija t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE u t-tieni l-akbar destinazzjoni għall-investiment.
Aħna marbutin mhux biss bil-kummerċ, iżda naqsmu l-istess valuri u standards demokratiċi, mid-drittijiet tax-xogħol sas-sikurezza online.
Madankollu r-relazzjoni ekonomika tagħna ma żammitx il-pass mal-ambizzjonijiet tagħna. Wasal iż-żmien li nimmodernizzawha. Huwa għalhekk li l-UE u l-Awstralja għandhom fil-mira li jiffirmaw ftehim storiku ta’ kummerċ ħieles.
Dan se jelimina t-tariffi fuq il-biċċa l-kbira tal-kummerċ bejn l-UE u l-Awstralja u jista’ jżid €4 biljun mal-PDG Ewropew sal-2030. Se jilliberalizza l-flussi tal-investiment fiż-żewġ direzzjonijiet.
Illum, l-investituri Ewropej fl-Awstralja jiffaċċjaw limiti ta’ skrinjar ogħla mill-kompetituri tagħhom Asjatiċi. Fl-istess ħin, il-fondi providenti Awstraljani, li jittrattaw kważi €3 triljun f’assi, qed ifittxu destinazzjonijiet stabbli barra mill-pajjiż. L-Ewropa hija d-destinazzjoni naturali. Il-ftuħ ta’ dawn il-kanali huwa ta’ vantaġġ ċar għal kulħadd.
L-ekonomiji tagħna mhumiex biss allinjati, huma komplementari. Kif qal il-Prim Ministru Albanese, l-Awstralja fiha t-tabella perjodika kwaċi kollha tal-minerali kritiċi. Hija l-akbar fornitur tal-litju fid-dinja u għandha l-materjali essenzjali biex tħaddem it-teknoloġiji nodfa tal-futur – minn karozzi elettriċi fi Spanja sa turbini eoliċi fuq il-Baħar Baltiku. Dan il-ftehim jgħin biex jiġi żgurat l-aċċess għal dawn il-materjali essenzjali.
U peress li jneħħi t-tariffi mhux biss fuq il-komoditajiet naturali iżda fuq il-prodotti pproċessati wkoll, jippromwovi investiment konġunt fl-ipproċessar lokali u fil-manifattura ta’ valur ogħla.
Fi żmien meta r-riżorsi kritiċi qed jintużaw dejjem aktar bħala arma, l-Ewropa u l-Awstralja jistgħu jagħtu eżempju differenti. Flimkien nistgħu nibnu ktajjen tal-provvista li huma kemm siguri kif ukoll responsabbli, li jappoġġaw lill-komunitajiet lokali filwaqt li jżommu standards ambjentali għoljin.
Dawn il-ftehimiet huma parti mill-ispinta usa’ tal-Ewropa għall-indipendenza strateġika. F’dinja kkaratterizzata minn kunflitti u koerċizzjoni ekonomika, is-sovranità tfisser it-tnaqqis tad-dipendenza. Dan ifisser li niżguraw li l-ebda pajjiż ma jkun jista’ juża l-aċċess għall-enerġija, għas-semikondutturi jew għall-minerali tal-art rari bħala arma, biex l-ekonomiji tagħna jinżammu ostaġġi.
Din l-indipendenza ma tistax tinbena b’mod iżolat. Teħtieġ sħubijiet b’saħħithom u diversifikati ma’ alleati ta’ fiduċja. Din l-ambizzjoni l-Ewropa taqsamha mal-Awstralja u ma’ ħafna oħrajn. Il-flussi kummerċjali mhumiex qed jonqsu iżda qed jinbidlu.
Mill-Indja sal-Messiku, mill-Brażil sal-Awstralja, il-pajjiżi qed ifittxu l-istess affarijiet: is-sigurtà, il-prosperità u l-libertà li jagħżlu t-triq tagħhom stess. F’dan ix-xenarju li qed jevolvi, l-Unjoni Ewropea tispikka bħala s-sieħeb stabbli u affidabbli.
Qed nespandu r-relazzjonijiet tagħna madwar id-dinja kollha. Biss biss, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, mexxejna ’l quddiem ftehimiet storiċi mal-Mercosur, l-Indja, u issa mal-Awstralja – triloġija ta’ kummerċ reali. Flimkien qed nibnu network b’impenn favur il-kummerċ miftuħ u ġust.
Fl-aħħar mill-aħħar qed nsaħħu l-fiduċja. Il-fiduċja, li kemm it-trasparenza kif ukoll is-sigurtà jistgħu jimxu id f’id. Li s-sovranità, permezz tas-sħubija tissaħħaħ u mhux tiddgħajjef. U qed nuru li, f’dinja inċerta, il-ħbieb huma l-aktar b’saħħithom meta jingħaqdu flimkien.


