Monday, December 1, 2025

“Għaliex twaddabbli bajd u ġebel’ waqt li għaddej bl-ordni?”

Il-karba ta’ ħaddiema barranin li jwasslu l-ikel

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“In-Nepal, għalija, hu l-isbaħ post tad-dinja. Ix-xenarju mill-isbaħ. Xi darba mur in-Nepal. Tibqa’ impressjonat”. Hekk temm id-diskursata Manish (isem fittizju biex nipproteġu l-identità tiegħu), ħaddiem minn Nepal li jaħdem ma’ kumpaniji li twassal l-ikel fid-djar tan-nies. Fi kliemu stess, kienet ħolma li jaħdem barra l-pajjiż u jaqla’ l-għixien għal familja. 

Kellu jaħdem f’lukanda iżda meta ġie hawn sab li xogħol għalih ma kellhomx u l-uniku alternattiva li sab kienet dik li jispiċċa jterraq fit-toroq bil-mutur. Jiddeskrivi x-xogħol bħala ‘ħmar il-lejl’. Xogħol li għalih ma jitħallasx paga, imma kummissjoni. Xogħol li jispiċċa jaħdem bejn 12 u 13-il siegħa kuljum biex idaħħal f’butu €1,200.  Jgħidilna li ‘tħossok qiegħed fi skjavitù modern’. Taħdem sigħat kontra sigħat. Ġieli jkollok tieqaf għax l-għejja tagħmel tagħha u r-riskju ta’ inċident ikun kbir. Hi weġgħa kbira għalih, dik li jkunu għaddejjin mit-triq u xi ħadd iwaddbilhom il-bajd jew oġġetti oħra fosthom ġebel. Id-dieqa f’għajnejjh waqt li ddikjara dan kienet impressjonanti.  Jieqaf jitkellem. Iħares lejn l-art. Kważi bid-dmugħ f’għajnejh u b’leħen miksur jgħid:  “Għaliex twaddabbli bajda jew ġebla, meta qiegħed inwassal ordni ta’ ikel lill-klijent?”, jistaqsi. 

Għaliex telaq?

Dwar in-Nepal jgħidilna li “l-ħajja għaż-żgħażagħ hi iebsa. Ħafna iebsa. Hemm żgħażagħ li investew ħinhom u flus li l-familja tagħhom tkun warrbet għall-edukazzjoni. Il-pagi imma huma miżeri. Ir-realtà hi li minn Nepal hemm eżodu ta’ żgħażagħ, li qegħdin imorrn f’għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja biex jaħdmu u jaqilgħu paga tajba. 

Ħafna jmorru l-Emirati Għarab Magħqudin, il-Malażja u anke jiġu lejn l-Ewropa.  Kienu jixxandru rapporti fin-Nepal stess li kienu jgħidu li f’perjodu partikolari kien hemm madwar  2,000 ħaddiema li  kienu  qegħdin jitilqu biex jaħdmu barra l-pajjiż. Kien issemma’ li hemm nofs il-familji fin-Nepal li jiddependu minn dħul finanzjarju minn barra l-pajjiż, jiġifieri minn qraba li qegħdin jaħdmu barra l-pajjiż. Din hi iebsa għalina. Tinqata’ mill-familja. Tista’ tagħmilha għal ftit snin, imma finalment tkun trid tirritorna ma’ qrabatek.  Li taħdem barra mhux għal ħajtek kollha”. 

Manish, jiddikjara mill-ewwel bla tlaqlieq. “Jien kuntent ħafna Malta. In-nies fil-parti l-kbira tagħhom laqgħuna tajjeb”.  Jieqaf għal ftit u nistaqsieh għaliex telaq minn Nepal, fis-sens ħalla lil kulħadd warajh u ġie f’pajjiż daqstant ‘il bogħod. 

Iħares fiss f’għajnejja. “Jekk tara ftit jiem ilu x’kien qed jiġri fin-Nepal tifhem xi frustrazzjoni hemm fost il-poplu. Hemm rabja kbira għall-politiċi. Rajna it-tkissir u l-vjolenza. Kulħadd seta’ jara x’tensjoni kien hemm.  L-għixien għal parti kbira tan-nies hu diffiċli. Ir-rabja kienet ġejja minn etajiet differenti, imma l-aktar miż-żgħażagħ. Ir-raġunijiet huma diversi, imma ilhom hemm. Kien hemm differenza kbira kif qed jitqassam il-ġid. Id-differenza bejn ta’ fuq u ta’ taħt hi kbira wisq fin-Nepal.  Ma’ dan imbagħad hemm il-korruzzjoni.”

Is-salarji ħżiena ħafna

“Dak li jolqot lilna bħala ħaddiema huma s-salarji. Dawn huma baxxi ħafna. Tkun studjat. Stinkajt. Infaqt il-flus, imma opportunitajiet ma’ jeżistux. Jekk issib xogħol, issibu b’salarji baxxi ħafna. Jien bħal ħafna oħra kelli ħolma. Li nistudja u jkollha xogħol tajjeb. Fin-Nepal in-nies bdew jaraw kollox jikkrolla. Bdew jaraw l-inugwaljanza tiżdied. Għalhekk irribellaw. Jien għandi familti hemm. Konxju tat-tbatija li għaddejjin minnha, għalkemm jien ngħinhom finanzjarjament bix-xogħol li għandi f’Malta.”

Kont naħdem f’Konsolat fuq il-Visas

Ma stajtx ma nistaqsiehx jekk kienx jaħdem fin-Nepal. “Dażgur, kont naħdem.  Jien studjajt u kont sibt xogħol f’konsolat, naħdmu fuq il-Visas.” Jieqaf għal ftit. 

Imwieġbu lura li normalment f’konsolat hu meqjus bħala xogħol tajjeb. “Il-konsolat li kont naħdem fih jien kien joħroġ Visas għal pajjiż fil-lvant. Xogħli kien fuq kompjuter, naħdem fuq dokumentazzjoni”. Iħares lejja u jistaqsini kemm naħseb li kien jitħallas. Ma jtinix ċans u jwieġeb hu. 

“Is-salarju tiegħi kien ta’ 6,000 Rupees. Dan x’ħin tikkonvertieh, jiġi qisu €40 fix-xahar. Dak mhux ħlas. Baxx wisq. Kif nista’ ngħajjex il-familja?”.

Ikompli…

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport