Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Ma nistax ngħid li kien hemm mument wieħed partikolari, imma minn dejjem il-futbol kien parti minni. Kelli wkoll l-influwenza ta’ missieri, li dejjem kien jħobb il-logħba u daħħalni fiha sa minn meta kont żgħir. Minn hemmhekk komplejt nikber magħha u saret xi ħaġa naturali fija
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn ir-ritorn tiegħek ma’ Tarxien Rainbows FC?
Għalija huwa ritorn sabiħ li għandi opportunità li nerġa’ nilgħab fl-ogħla livell tal-futbol Malti, u b’mod speċjali ma’ klabb li kont diġà parti minnu u li dejjem wera rispett lejja. Fl-istess ħin, naf li mhux se jkun staġun faċli għax meta klabb jitla’ minn diviżjoni, hemm ħafna sfidi. Imma nemmen li jekk ningħaqdu bħala tim u naħdmu lejn għan wieħed, nistgħu nżommu lill-klabb fid-diviżjoni li ħaqqu jkun fiha.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek ma’ Marsa FC fejn qattajt l-aħħar żewġ staġuni?
Ma kinux sentejn faċli fuq livell personali, speċjalment l-ewwel staġun fejn injury fl-ispalla żammietni barra għal nofs it-tieni parti tal-istaġun. Madankollu, nemmen li kienu sentejn li minnhom tgħallimt ħafna u tejjebt il-logħba personali tiegħi. Grazzi lill-klabb ta’ Marsa, minkejja li kellna staġuni diffiċli, dejjem kienu ta’ sostenn u għandhom post speċjali għalija.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Bħal ħafna affarijiet fid-dinja, anke l-futbol qed ikompli jevolvi. F’livell lokali, nara li l-ammont ta’ plejers Maltin fl-ogħla livell naqas xi ftit minħabba ż-żieda ta’ plejers barranin. Dan wassal biex ħafna Maltin jippreferu jinżlu fil-leagues l-oħra biex ikollhom iktar ħin ta’ logħob, u b’hekk il-livell tal-Challenge League, per eżempju, reġa’ tela’. Fil-Premier, il-logħba qed issir iktar intensa u b’aktar enfasi fuq il-fiżika, aktar milli fuq aspetti tekniċi biss.
U dwar ir-riżorsi (bħal grounds) fejn tħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Naħseb mhux se nkun l-ewwel li ngħid li l-kwalità tal-grawnds tat-taħriġ f’Malta hija baxxa. Dan jirrifletti fl-ammont ta’ injuries li naraw fil-futbol lokali. Ma nistenna xejn lussuż bħall-ħaxix naturali għax naf li dak jirrikjedi ħafna manutenzjoni u ma jkunx sostenibbli, imma lanqas m’għandu jkun skuża li ma tinżammx it-turf sintetika b’mod tajjeb. Dawn il-pitches xorta jridu kura, u meta ma jingħatax kas tagħhom, jispiċċaw jagħmlu aktar ħsara milli ġid.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Ma nħobbx nippjana wisq fil boghod, imma l-għan personali tiegħi fil-futbol hu li nkun aħjar minn kif kont is-sena ta’ qabel, anke jekk biss bi ftit.
Għandi wkoll passjoni li nibqa’ involut fil-futbol anke fit-tul. forsi f’xi rwol ieħor aktar ‘il quddiem peri għalissa it tragward tiegħi hu li nagħti l-massimu bħala plejer.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Kollox jiddependi fuq x’tifhem b’suċċess. Jekk il-għan tiegħek hu li tasal fl-ogħla livell lokali, hemm bżonn dixxiplina, determinazzjoni, u lesta li tagħti l-ħin kollu li jista’ jkun meħtieġ. Imma jekk xi ħadd jimmira lejn suċċess internazzjonali, irrid nenfasizza l-importanza li wieħed ikun lest jitlaq minn Malta u jagħmel dak il-pass li jmiss, li mhux dejjem faċli imma jista’ jiftaħ ħafna bibien.