Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet kmieni ħafna. Kelli biss 12-il sena meta bdejt nilgħab mal-Under 16, għax dak kien l-uniku tim eżistenti dak iż-żmien. Minkejja li kont iżgħar mill-oħrajn, ma qtajtx qalbi—dak l-ewwel staġun irbaħna l-Kampjonat, u sena wara ksibna wkoll in-Knock-Out.
Meta kelli 15-il sena lgħabt l-ewwel logħba tiegħi man-Nadur Youngsters, u qatt ma ninsa dak il-mument: daħħluni fl-aħħar 10 minuti kontra Victoria Hotspurs, u skurjajt il-goal tar-rebħa 1-0. Minn hemm bdejt nibni l-karriera tiegħi man-Nadur u komplejt nilgħab magħhom sal-età ta’ 38 sena. Matul dawk is-snin kollha rbaħna tmien Kampjonati u ħafna Tazzi oħra. Kelli wkoll l-unur li nirbaħ darbtejn il-‘Footballer of the Year’.
F’Malta lgħabt ma’ diversi klabbs: Gozo FC, Sirens, Mqabba u Birkirkara, li tawni esperjenzi differenti u għenuni nikber bħala plejer.
Meta rtirajt minn plejer, dħalt fid-dinja tal-kowċing. Bdejt man-Nadur fl-istaġun 2007-2008, fejn mill-ewwel sena bħala coach irbaħna l-league. Irbaħt ukoll is-Second Division ma’ Xewkija Tigers u ma’ Qala Saints.
Tlett snin ilu rritornajt man-Nadur bħala assistant coach ma’ Elton Vella, u dak l-istaġun irbaħna l-league. Fl-istess sena kont ukoll responsabbli mill-Under 19.
Għalija, il-futbol qatt ma kien biss sport … kien mixja ta’ ħajja li tatni sodisfazzjon kbir u ħafna mumenti li qatt ma ninsa!
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Head Coach fi ħdan in-Nursery ta’ Nadur Youngsters FC.
Dawn l-aħħar sentejn ili nservi bħala Head Coach tan-Nadur Youngsters Academy, fejn qed naħdem biex inrabbi plejers żgħażagħ b’valuri, dixxiplina u passjoni għall-logħba. Din is-sena n-Nadur qed jagħti importanza kbira lit-tfal tan-Nursery, u għalija dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir.
Qegħdin naraw ħafna plejers żgħażagħ jitilgħu mit-timijiet tal-youths u jingħaqdu mal-iskwadra tal-kbar, u dan juri li l-ħidma tagħna fuq l-iżvilupp qed tagħti l-frott. Il-livell tagħhom huwa tassew tajjeb, u bħala prova ta’ dan, diversi tfal tan-Nursery tagħna waslu biex jilagħbu Malta.
Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar ta’ Nadur Youngsters FC qed jutilizza numru ta’ plejers prodotti tan- Nursery. X’tahseb li huwa s-sigriet rigward dan is-suċċess?
Naħseb li s-suċċess li tant plejers prodotti min-Nadur Youngsters qed jilagħbu mat-tim tal-kbar jiġi minn taħlita ta’ ħidma konsistenti, dedikazzjoni u struttura tajba fl-akkademja. L-ewwel nett, it-tfal jiġu mgħallma bażijiet sodi—teknika, dixxiplina, u rispett għall-logħba. It-tieni nett, nagħtuhom ħafna opportunitajiet biex jilagħbu, jesperjenzaw livelli differenti u jitgħallmu minn żbalji tagħhom.
Importanti wkoll li jkollhom kowċis li jemmnu fil-ħiliet tagħom u jagħtuhom l-ispazju biex jikbru. Aħna nħarsu lejn kull plejer individwalment u nippruvaw nifhmu fejn jista’ jtejjeb u kif nistgħu nagħtuh l-aħjar appoġġ.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, hemm kulturá qawwija ta’ familja u passjoni fin-Nadur. It-tfal jikbru jħossu ruħhom parti minn komunità, u meta jagħtu ċ-ċans fil-livell tal-kbar, ikunu diġà preparati mentalment u motivati biex jagħtu l-aħjar tagħhom.
Dan kollu flimkien jagħmel differenza u jwassal għal aktar plejers żgħażagħ li kapaċi jagħmlu l-pass mal-kbar b’suċċess.

