Saturday, December 28, 2024

“Għalija, ir-rebħa tal-Ukrajna f’din il-gwerra hija imminenti, u nemmen li se tiġri fil-futur qrib” 

Jamala – ir-rebbieħa tal-Eurovision Song Contest 2016

Aqra wkoll

Jamala – kantanta Ukrena li żgur li m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni fix-xena internazzjonali tal-mużika hekk kif rebħet il-Eurovision Song Contest lura fl-2016 bid-diska 1944. Proprju lbieraħ hija kienet f’Malta fejn kantat fil-kuncert ‘Peace’ flimkien ma’ diversi artisti Maltin biex tippromwovi l-paċi fost l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Fost oħrajn, f’din l-intervista esklussiva, hija se tkun qed tagħti l-fehmiet tagħha rigward din il-gwerra orribbli f’pajjiżha – l-Ukrajna.

Bdejna billi tlabna lil Jamala, kif bdiet l-imħabba tagħħa lejn il-mużika… 

Il-mużika hija xi ħaġa li hija parti minni. Wara kollox, ommi hija pjanista u missieri konduttur tal-mużika, li jikkomponi mużika folkloristika tat-Tatar tal-Krimea u l-mużika tal-popli tal-Asja Ċentrali. Ħadd minnhom ma kien kontra li niddedika ħajti għall-mużika. L-unika ħaġa li qaluli kienet li jekk taħseb li tista’ tagħmel xi ħaġa fil-mużika, ipprovaha. Jien ilni nħobb il-mużika minn meta kont żgħira u għadni nħobbha fuq il-palk u billi nisma’ artisti favoriti tiegħi fil-kunċerti. 

U x’kellha xi tgħid dwar ir-rebħ tal-Eurovision Song Contest lura fl-2016 bil-kanzunetta 1944 u din kif qed tgħinha preżentement biex tippromwovi lil pajjiżha waqt il-gwerra li jinsab għaddej minnha? 

Il-konkors ipprovda opportunitajiet kbar għall-media, u din is-sena użajthom biex ngħin lil pajjiżi. Mill-24 ta’ Frar ’l hawn, ippruvajt nitkellem ma’ mijiet ta’ gazzetti u stazzjonijiet televiżivi madwar id-dinja biex nitkellem dwar it-terrur li wasal fil-pajjiż tiegħi. Ipparteċipajt f’numru kbir ta’ avvenimenti magħqudin bit-tema tal-Eurovision fosthom f’Berlin, Barcelona u Canary Islands. L-ospiti ta’ dawn l-avvenimenti tkellmu dwar il-gwerra fl-Ukrajna, u ġabru fondi biex jappoġġjaw lill-Ukreni li sofrew mill-aggressjoni Russa. Il-gwerra issa ilha għaddejja għal aktar minn erba’ xhur. Id-dinja qed tgħejja ta’ kuljum permezz ta’ aħbarijiet ta’ splużjonijiet u mwiet, imma rridu nagħmlu l-almu tagħna biex ma nisparixxux mill-aġenda ta’ kuljum. L-artisti mhumiex eċċezzjoni. Illum, il-personalitajiet kulturali kollha huma ġellieda fil-qasam tal-informazzjoni. Għandna arma tagħna stess f’din il-gwerra – il-vuċi. Nittama ħafna li hawn Malta tismawni.

U x’inhuma l-kummenti ta’ Jamala dwar il-gwerra orribbli fl-Ukrajna? 

Ir-Russja qed tkompli tirrovina bla ħniena lill-Ukrajna. U ma jimpurtax kemm il-propaganda Russa qed tidħol f’taħdidiet dwar id-demilitarizzazzjoni, hekk kif kważi kuljum qed jeqirdu n-nies ċivili u l-infrastuttura tagħna. Nhar il-Ħamis li għadda ġiet meqruda Università pedagoġika f’Kharkiv, ġimgħa qabel resort f’Odesa u ċentru tax-xiri fi Kremenchug. Imma ħaġa waħda hija l-bini. L-aktar ħaġa ta’ uġigħ hija l-għexieren ta’ eluf ta’ ħajjiet li qatt ma jistgħu jiġu rkuprati, miljuni ta’ ħajjiet Ukrajni mfixkla. Sa mill-bidu tal-gwerra fuq skala sħiħa, ir-Russja ħadet il-ħajja ta’ 347 tifel u tifla Ukreni. 

Jamala, qed tara futur meta din il-gwerra tista’ tabilħaqq tispiċċa? 

Forsi, minflok ridt tistaqsi meta se nirbħu? Għalija, ir-rebħa tal-Ukrajna f’din il-gwerra hija imminenti, u nemmen li se tiġri fil-futur qrib. Kull persuna, kull nazzjon jista’ jgħinna f’din il-ġlieda għal-libertà, għad-dritt li wieħed jgħix ġewwa daru. Tħallux lill-politiċi tagħkom jinsew l-orrur, il-ġenoċidju orribbli li qed iseħħ f’dan iż-żmien fil-qalba tal-Ewropa. 

Saqsejna lil Jamala jekk din hijiex l-ewwel darba għaliha hawn Malta… 

Iva, huwa ta’ pjaċir kbir għalija li nkun hawn fostkom. U nixtieq nieħu din l-opportunità biex nesprimi l-gratitudni tiegħi lejkom bħala pajjiż speċjalmet għall-appoġġ tagħkom f’dan iż-żmien diffiċli ħafna għalina bħala pajjiż. Nirringrazzja bis-sħiġ lill-poplu Malti għall-bibien miftuħa li sibna biex jilqa’ fi ħdanu tfal mill-Ukrajna. 

Jamala xtaqet tgħaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li huma lesti li jibdew karriera ta’ suċċess fil-mużika bħal tagħha… 

Għandi tliet pariri dwar dan: F’dinja fejn inti tkun taħt pressjoni mill-marketing fuq bażi ta’ kuljum, tinsiex li inti dħalt fid-dinja tal-mużika għall-fini tal-mużika. Titlifx lilek innifsek. Hekk kif il-popolarità tiegħek tikber, kun involut fil-proċessi kollha tax-xogħol, iżda fl-istess ħin kun kapaċi tiddelega u taħdem mat-tim tiegħek. Dan il-bilanċ jgħinek tilħaq il-quċċata. Ladarba tilħaq ċertu livell, kun utli għas-soċjetà. Ftakar, li l-mużika hija qawwa. Allura jekk jogħġbok uża dik is-setgħa biex tibdel id-dinja għall-aħjar!

Ekonomija

Sport