Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn dejjem kont inħobb l-isport inġenerali, ommi kienet tiktibni għal bosta attivitajiet u kont nieħu gost f’kollox. Imma l-futbol dejjem kien jogħġobni dik il-ftit iżjed. Ta’ sentejn niftakarni nimxi ma’ missieri sal-Aquarium Nazzjonali f’Buġibba biex naraw it-Tazza tad-Dinja, u ngħajjat l-ismijiet tal-plejers u “Viva l-Ingliżi”. Għalija l-futbol mhux biss sport imma mod ta’ kif ngħix … sar parti minn ħajti.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim tan-nisa ta’ Mġarr United FC.
L-esperjenzi tiegħi mal-klabb ta’ Mġarr United mhuma xejn ħlief pożittivi. Il-klabb laqagħni qisni waħda minn tagħhom sa mill-ewwel ġurnata. Kelli ċ-ċans li naħdem u nittrenja ma’ nies differenti u grazzi tal-opportunitá li offrewli tgħallimt u se nibqa’ nitgħallem ħafna affarijiet li nuża fil-karriera tiegħi.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek, Mġarr United FC, matul l-aħħar staġun?
Kien staġun verament pożittiv. Wara tant żmien ta’ ħidma ħadna li ħaqqna u ġibna l-ewwel Tazza lura magħna minkejja kull ostaklu li affaċċjajna. Kellna tim tekniku li ħadem ħafna sabiex jipprovdulna l-aħjar metodi biex wasalna fejn wasalna.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Ryan Vella?
Hu kowċ li verament jaf kif imexxi tim tan nisa. Uriena perspettiva differenti tal-isport kif ukoll ipprovda l-opportunitá u spazju sabiex inkomplu nikbru flimkien. Hu kowċ li qatt ma jieqaf jinteressa ruħu biex jitgħallem u dik tirrifletti fil-mod ta’ kif jikkowċja u jmexxi t-tim. – Nemmen li l-livell dejjem qed jitjieb, iżda bħal kollox dejjem hemm affarijiet li jistgħu isiru aħjar. Għalkemm dan, nemmen li jekk ikun hemm iżjed promozzjoni l-opportunitajiet jikbru u l-livell dejjem jiżdied.
Kif tqis il-livell tal-futsal tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?
Kif għadni kemm ngħid, l-affarijiet dejjem qed imorru għall-aħjar, iżda ma jfissirx li m’għadx hemm bżonn ħidma x’issir. Anzi, meta l-affarijiet ikunu sejrin aħjar nemmen li x-xogħol irid jiżdied sabiex tibqa’ għaddej fuq in-nota tajba u tkompli tikber.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?
Bħala pajjiż u nazzjon inħobbu ħafna l-isport iżda ma nagħtux l-importanza li għandna bżonn. Għalkemm hi ħafna aħjar milli kienet qabel, għandna ħafna x’naqdfu. U din tista’ taraha meta tara kampjonati ta’ sport differenti, speċjalment fejn jidħlu dixxiplini sportivi oħrajn.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Id-dinja tal-isport dejjem toffri ħafna opportunitajiet. Minn aspett ta’ futbol jien narah li dejjem ħa jkun preżenti f’ħajti bħala plejer, kowċ u anke f’diversi rwoli sportivi oħrajn.
Għaddi messaġġ finalli speċjalment lil dawk il-bniet u t-tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Tagħmel x’tagħmel qatt taqta’ qalbek, dejjem aħdem u stinka għal dak li trid u tagħtix kas x’jgħidu ta’ madwarek. Dejjem afda f’li ħa tagħmel int, ħu mill-esperjenzi ta’ ħaddieħor u ikber minnhom!