Tuesday, August 5, 2025

‘Għalija l-ikbar unur hu kull meta jkolli l-opportunita’ nirrapreżenta lil Malta’ – Kurt Bonnici

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-tennis?

Kien għad kelli erba’ snin u kont nara lil missieri jilgħab it-tennis u tħajjart u bdejt  nipprattika. Bdejt mal-kowċ Esther Sigona li kienet hi li nibtet fija l-imħabba għat-tennis u li għenitni nagħmel l-ewwel passi. Dak iż-żmien kont immur ukoll klabb tat-tennis ieħor ma’ missieri, u hemm iltqajt mal-kowċ Venelin Georgiev li wkoll għeni għax beda jemmen li għandi potenzjal.

Minn hemm ingħaqadt ma’ Asciak Tennis Academy u issa ili nittrennja hemm kważi ħames snin. Meta kont iżgħar kont nittrennja minn darba sa darbtejn fil-ġimgħa, sakemm illum il-ġurnata tista’ tgħid nittrennja kuljum mit-Tnejn sas-Sibt u kultant anke l-Ħadd.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek f’Asciak Tennis Academy.

L-esperjenza tiegħi ma’ Asciak Tennis Academy hija tajba ħafna. F’din l-akkademja dejjem kelli ċ-ċans nitrennja ma’ uħud mill-aħjar plejers ta’ Malta u għamilt qabża kbira ’l quddiem biex sirt il-plejer li jien illum. Hawnhekk nixtieq nirringrazzja lil Gordon u lil Helen Asciak li dejjem raw kif jissapportjawni kif ukoll lill-kowċis kollha li ttrennjajt taħt il-gwida tagħhom. B’mod partikolari nixtieq insemmi lill-kowċ tiegħi, Matthew Asciak, li baqa’ dejjem jemmen fija, ħadem u għadu jaħdem ħafna miegħi u li għandu mertu kbir fis-suċċessi tiegħi.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil karriera tieghek sa issa f dan l-isport li tant tħobb?

Bażikament s’issa sirt Champion ta’ Malta, f’kull kategorija li lgħabt fiha, taħt l-10 snin, taħt it-12-il sena u ftit ilu taħt l-14-il sena. Irbaħt ukoll diversi tournaments lokali oħra tal-Juniors organizzati mill-klabbs tat-tennis differenti. F’tournaments internazzjonali wasalt darbtejn sas-semi-finali fis-singles taħt it-12-il sena f’żewġ tournaments tat-Tennis Europe u rnexxieli nasal sal-finali tad-doubles fil-Bosnia u nirbaħ id-doubles fit-Tennis Europe tournament ta’ Vjenna s-sajf li għadda. Madankollu, għalija l-ikbar unur hu kull meta jkolli l-opportunita’ nirrapreżenta lil Malta. Għamilt dan fis-Summer Cups tas-sena l-oħra u ta’ din is-sena, fil-Kampjonati Ewropej u anke fil-logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa.

Kif tqis il-livell tat-tennis f’pajjiżna fil-preżent?

Bħalissa tiela ġenerazzjoni ta’ tennisti li tipprometti ħafna, kemm subien u anke bniet. Il-livell qiegħed dejjem jogħla. Naturalment peress li ġejjin minn pajjiż żgħir mhux faċli li nikkompetu barra minn xtutna ma’ pajjiżi ferm ikbar minna imma hawn ħafna talent f’pajjiżna u plejers li jieħdu dan l-isports bis-serjeta’.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Fl-akkademja li fiha nattendi jien hemm diversi courts, anke tnejn ‘indoor’ fejn nistgħu nitħarrġu. Issa wkoll inbena ċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis li huwa sabiħ immens u se jkun attrezzat ħafna. Nixtieq li jkollna izjed clay courts, minħabba li meta nilagħbu barra minn Malta, ħafna drabi l-kompetizzjonijiet ikunu fuq il-clay.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-tennis?

Jien inħobb nieħu l-affarijiet pass pass għax il-futur jiddependi minn ħafna fatturi. Preżentament jien nattendi l-Iskola Nazzjonali tal-Isports u fadalli tliet snin oħra. Hemmhekk nittrennja dan l-isports anke filgħodu. Ovvjament nixtieq nibqa’ nitħarreġ u nagħmel progress u forsi nikseb izjed suċċessi kemm f’pajjiżna u anke barra minn xtutna. Il-ħolma tiegħi hi li nirrappreżenta lil Malta mat-tim nazzjonali tal-kbar u forsi xi darba nsir plejer professjonali.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika t-tennis.

It-tennis huwa sport sabiħ li tista’ tibqa’ tilagħbu tul ħajtek kollha, iżommok attiv u jlaqqgħak ma’ ħafna nies ġodda. Barra minn hekk jagħtik ħafna skills li jgħinuk matul ħajtek. Lil min jixtieq jibda jipprattika dan l-isports, ngħidlu taqtax qalbek, aqbad racket, ipprova u forsi jiġrilek bħali li tant jogħġbok li tkun tixtieq tibqa’ tilagħbu kuljum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport