Thursday, February 13, 2025

Għalija l-unuri bħala kowċ jiġu meta nkun ta’ ispirazzjoni u għajnuna għall-atleti – Edmond Abela

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-badminton?

Bdejt nilgħab il-Badminton meta kelli 16-il sena fil-gym tal-Junior College l-Imsida. Mill-ewwel għoġobni dan l-isport, il-ġiri u l-veloċitá li jinvolvi, it-tibdil fid-direzzjoni u l-fatt li trid tkun fiżikament b’sahhtek biex tilgħabu. Ftit wara, flimkien ma’ ħija bdejt nittrenja ma’ Shuttles Badminton Club. Madwar sena wara bdejt nittrenja mal-cadets u mbagħad mat-tim nazzjonali Malti fejn għamilt għaxar snin nilgħab għal Malta.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala kowċ tal-badminton.

Bdejt nikkowċja bħala player/coach ma’ SportMalta meta kelli madwar 20 sena. Kont nikkowċja studenti ta’ bejn 12-16-il sena fil-Kulleġġ ta’ De la Salle fil-weekends u kont ukoll immur ma’ Norman Spiteri, li dak iż-żmien kien il-kowċ tieghi, fl-iskejjel waqt Sports Days fejn konna nagħmlu xi sessjonijiet biex nippromwovu l-isport tal-Badminton. Tletin sena wara u din hi xi ħaġa li għadni nieħu gost nagħmel.

Bdejt nattendi diversi korsijiet u fl-2009 flimkien ma’ kowċis oħra, iffurmajna l-Junior Academy. Minn dak iż-żmien ‘l hawn l-Akkademja kibret u l-livell tjieb ħafna. Wieħed mill-isbaħ mumenti fil-karriera tiegħi bħala kowċ kien meta kkowċjajt lill-aħwa Francica biex kisbu t-titlu ta’ Ladies Doubles fi żmien tliet snin. Xi ħaġa li normalment tieħu ħafna iktar żmien. Dan is-suċċess tani fiduċja biex inkompli nikseb iktar kwalifiċi bħala kowċ, bdejt nattendi korsijiet anke barra min Malta u fl-2017 ġibt Degree fl-iSport mill-Universitá ta’ Malta.

Fl-istess żmien bdejt ukoll nikkowċja lit-tfal tiegħi li kienu jagħmlu parti mill-Junior Academy. Bdejt insiefer u mmur tournaments u training camps magħhom barra minn Malta. Kien ta’ unur kbir għalija kemm bħala kowċ u speċjalment bħala missier meta Matthew Abela, it-tifel il-kbir tiegħi pparteċipa fl-Olimpjadi ta’ Tokjo. Fl-etá ta’ 21 sena, huwa kien l-ewwel u l-uniku atleta Malti tal-Badminton li qatt ipparteċipa fl-Olimpjadi. Mark Abela, it-tifel l-ieħor ukoll qabad karriera fil-kowċing.

X’unuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa?

Bħala plejer tal-badminton, kont iktar doubles player. Fl-2002, sirt champion nazzjonali fil-kategorija tad-doubles flimkien ma’ David Cole u kont finalist fl-istess kategorija fl-2006. Fl-2014 kont finalist fil-kategorija tal-Mixed Doubles. Flimkien mat-tim nazzjonali pparteċipajt f’żewġ edizzjonijiet ta’ Thomas Cup, fl-Olanda fl-1992 u r-Repubblika Ċeka fl-1996. Flimkien ma’ atleti oħra Maltin ħadt sehem fl-Alpen-Adria Cup fl-Awstrija fl-1994 (ħames post) u fl-1996 (raba’ post). Irbaħt ukoll diversi unuri nazzjonali, fosthom diversi kampjonati, knock-outs u anke unuri individwali. Aktar riċenti, ipparteċipajt mat-tim tal-MESA  kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ fl-International Company Games bejn l-2015 u l-2024 fejn irbaħna diversi unuri.

Bħala kowċ, l-unuri huma differenti minn dawk ta’ atleta. Għalija l-unuri bħala kowċ jiġu meta nkun ta’ ispirazzjoni u għajnuna għall-atleti, meta jiksbu jew jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Dan jista’ jseħħ kemm f’livell professjonali, fejn l-atleta jieħu sehem f’tournaments prestiġjuzi, jakkwista midalja jew xi titlu, imma anke f’livelli jew oqsma ohra, pereżempju atleti żgħar li jirnexxielhom jidħlu fl-iSkola Nazzjonali tal-iSport (NSS) jew fl-akkademja nazzjonali. Huwa wkoll unur personali għalija bħala kowċ li naqsam l-għarfien tiegħi fil-badminton ma’ studenti universitarji li fil-futur se jkunu għalliema tal-isport.

Kif tqis il-livell tal-badminton f’pajjiżna fil-preżent?

Kull sport jgħaddi minn perjodi u fażijiet tajbin u oħrajn diffiċli. Hekk ukoll ġara fil-badminton. Kien hemm perjodu ta’ madwar għaxar snin bejn l-2000 u l-2010 fejn il-badminton beda jaqbad it-triq tan-niżla. Bit-twaqqif tal-Badminton Academy fl-2009, dan l-isport reġa’ beda jieħu l-ħajja u l-livell beda jogħla wkoll. Illum il-ġurnata grazzi għall-Assoċjazzjoni u entitajiet oħra bħall-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) u SportMalta, għandna atleta li ħa sehem fl-Olimpjadi. Atleti li jikkompetu fil-Kampjonati Ewropej, logħob tal-ISF u jieħdu sehem regolari f’tournaments internazzjonali, kif ukoll imorru għat-taħriġ barra minn Malta. L-ammont ta’ atleti li jipprattikaw il-badminton qed jiżdied ukoll speċjalment f’entitajiet li huma organizzati bħal EVOLVE Badminton Academy, kif ukoll fil-programmi ta’ SportMalta fejn hemm numru sostanzjali ta’ żgħażagħ u tfal. Fuq nota negattiva, sfortunatament fil-każ tal-klabbs, il-membri naqsu drastikament, u konsegwenza ta’ dan xi klabbs m’għadhomx attivi.

U r-riżorsi fejn jintlagħab dan l-isport f’Malta?

Il-badminton huwa sport li jintlagħab ġewwa, ġo sala jew gym. Dawn il-faċilitajiet f’Malta huma limitati u ħafna minn dawn il-postijiet jintużaw minn dixxiplini sportivi oħra wkoll. Barra minn hekk jintużaw ukoll għal avvenimenti u kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u f’dak il-każ, is-sessjonijiet ta’ taħriġ jiġu kkanċellati. Għalhekk l-isport tagħna dejjem se jkun żvantaġġjat sakemm ma jkollniex il-faċilitajiet tagħna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?

F’Jannar tal-2023 irtirajt mill-kariga li kelli bħala manager, għalhekk issa l-kowċing għalija m’għadux biss passjoni imma sar l-impjieg tiegħi. Bħalissa qed nikkowċja minn filgħodu sa filgħaxija fi skejjel, akkademji u klabbs. Sakemm ikun hemm rispett reċiproku, nibqa’ nikkowċja fejn ikun hemm bżonn.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-badminton.

Il-badminton għalija u għall-familja tiegħi huwa l-istil tal-ħajja tagħna. Grazzi għall-badminton, għandi ħafna affarijiet sbieħ fil-ħajja tiegħi. Iltqajt mal-mara tiegħi permezz tal-badminton, għandi żewġ ġuvintur li wkoll jipprattikaw dan l-isport. Il-badminton għalija huwa karriera u passjoni li jagħtini ħafna sodisfazzjon.

Il-messagg tiegħi għal dawk li qed jaspiraw għal suċċess fil-badminton kemm bħala atleta kif ukoll bħala kowċ huwa li trid tkun determinat u turi passjoni, li ma taqtax qalbek u tkun lest li taffaċċja kemm il-mumenti tajbin kif ukoll dawk ħżiena b’attitudni pożittiva!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport