Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tagħkom lejn l-OCR?
F’Ottubru tal-2020 wara l-ewwel lock-down tal-pandemija tal-Covid-19, il-ġenituri tagħna ma ħassewhomx komdi li jibgħatuna sport li kien jiġi pprattikat ġewwa iżda xorta xtaquna nagħmlu xi tip ta’ sport, allura ħajruna biex nibdew l-OCR minħabba li dan huwa outdoor sport.
X’tikkumentaw fuq is-suċċess li ksibtu fl-Iżvezja fil-jiem li għaddew?
Din kienet l-ewwel esperjenza tagħna fejn irrapreżentejna lil Malta fuq livell internazzjonali. Kienet esperjenza sabieħa ħafna fejn iltqajna mal-aqwa atleti tal-OCR tad-dinja kemm adulti kif ukoll tfal bħalna. Kienet esperjenza li għenitna nikbru mentalment u emozjonament, fejn Maya ikwalifikat fis-sitt post.
X’suċċessi maġġuri oħra ksibtu fil-karriera tiegħkom sa issa?
F’Marzu tal-2024 tlajna Ruma u ikkompetejna fl-‘Imperium OCR Race’ fejn it-tnejn li aħna ġejna fl-ewwel post fil-kategoriji tal-bniet u s-subien rispettivament. Fil-Kampjonat tal-OCR tal-2024 li kienet tikkonsisti fi tmien tiġrijiet lokalment, ikkwalifikajna biex nirrapreżentaw lil Malta fl-OCR World Championships fl-Iżvezja din is-sena.
X’tikkumentaw fuq il-kowċes, Julian Briffa u Mearaid Ciantar Brown?
Il-kowċis tagħna qishom familja għalina. Apparti li jipprovdulna taħrig intensiv u serju biex jippreparawna għal diversi kompetizzjonijiet li jkollna, huma b’ħafna mħabba u dedikazzjoni, jgħinuna biex nilħqu l-potenzjal tagħna kif ukoll jagħtuna l-kuraġġ meta r-riżultati mhux dejjem ikun dawk mixtieqa.
Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-OCR f’Malta huwa wieħed tajjeb ħafna u qiegħed dejjem jogħla flimkien mal-popolaritá ta’ dan l-isport. Diversi atleti Maltin ġabu riżultati tajbin din is-sena kemm fil-World Championships li saru fl-Iżvezja kif ukoll fil-European Championships li saru l-Portugall.
Kif tqis il-livell tar-riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkhom?
Aħna nitħarrġu f’‘The Club’ ġewwa l-Qrendi, fejn apparti li huwa mgħammar b’diversi ostakli maħdumin professjonalment, Julian Briffa, dejjem iżid ostakli ġodda u jiżgura li s-sigurtá tagħna dejjem tkun prijoritá. Lokalment il-kompetizzjonijiet tal-kampjonat isiru fi tliet postijiet differenti.
Kif qed tħarsu lejn il-futur tagħkom fl-OCR?
Aħna nittamaw li nkomplu nitjiebu u nikbru f’dan l-isport għax apparti li ninvestu ħafna ħin għat-taħriġ, jagħtina sodisfazzjon kbir, dixxiplina u saħħa fiżika u mentali.
Għaddu messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-OCR
Għalkemm bħala sport mhuwiex wieħed faċli, b’dedikazzjoni u dixxiplina tirnexxi. Huwa sport interessanti immens għax huwa varjat u dejjem jevolvi. Dan l-isport jagħtik sodisfazzjon kbir kif ukoll jgħinek tagħmel ħafna ħbieb ta’ interessi simili. Għalina l-OCR mhuwiex biss sport iżda ukoll parti kbira minn ħajjitna!