Monday, May 13, 2024

“Għalina l-politika hija għodda biex inwettqu l-ġid”

Aqra wkoll

“Għalina l-politika hija għodda biex inwettqu l-ġid. Jien għandi obbligu li nara li dan il-pajjiż jibqa’ dejjem miexi ’l quddiem. Xejn mhu se jwaqqafni milli nkompli naħdem milli nwettaq il-pjan li għażiltu intom. Flimkien, fi spirtu ta’ għaqda nazzjonali, se naħdmu għall-ġid tal-Għawdxin u l-Maltin kollha.”

Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ilbieraħ, meta kien qed jindirizza attività politika fl-Imsida.Dr Abela semma kif fl-aħħar snin ħidmet gvern laburista kienet iffokata fuq li jtejjeb il-qagħda tal-ħaddiem u sostna li hekk se jibqa’ jsir fi żmien li ġej. Kompla li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad, filwaqt li l-ekonomija ħolqot impjiegi ta’ kwalità.

“Disgħa minn kull għaxar Maltin illi daħħlu fis-suq tax-xogħol f’dawn l-aħħar għaxar snin kienu managers, professjonisti jew f’karrieri tekniċi. Dan huwa ċ-cheap labour li tgħajjat bih l-Oppożizzjoni. Ir-rata ta’ impjiegi f’pajjiżna qabżet dik fl-Ewropa, għax ma xħetniex piżijiet fuq min iħaddem,” saħaq Dr Abela.

Huwa rreferra wkoll għal child care b’xejn u l-in-work benefit, fost diversi miżuri oħra, li għenu biex aktar ġenituri jkomplu jaħdmu. Kompla li Gvern Laburista dejjem kien hemm għall-ħaddiema.

Semma kif meta faqqgħet il-pandemija ta l-wage supplement, dan apparti li ta l-akbar żieda fil-paga minima, naqqas l-income tax, naqqas it-taxxa fuq l-overtime u l-part time, eżenta mit-taxxa dawk fuq il-paga minima u żamm il-prezzijiet stabbli tal-enerġija. “Dik hi l-qalb soċjalista. Dak hu l-partit tal-ħaddiema,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Dr Abela saħaq ukoll kif Gvern laburista biddel il-mod kif jgħixu l-familji middle class f’pajjiżna. Bħala eżempji semma fejn qabel kellhom iħallsu għat-trasport tal-iskola dan il-gvern issa qed jagħtih b’xejn, il-miżati tal-eżamijiet illum huma b’xejn, it-trasport pubbliku huwa b’xejn, qed jagħti wkoll mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja, u żied iċ-children’s allowance, fost diversi miżuri oħra.

Meta tkellem dwar il-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Dr Abela sostna li fil-Parlament Ewropew pajjiżna jeħtieġ membri li jaħdmu għall-ġid ta’ Malta u mhux għall-ġid tal-avvanz tal-karriera personali tagħhom fl-Ewropa.

“Aħna mmorru Brussell biex infasslu l-politika illi taqbel lill-Malta. Politika li tieħu ħsieb lill-pajjiżna. Politika li żżid l-opportunitajiet għat-tfal Għawdxin u Maltin f’pajjiżna stess,” saħaq Dr Abela.

Il-Prim Ministru semma wkoll kif fil-lokalità tal-Imsida hemm diversi proġetti għaddejjin kif ukoll oħrajn ippjanati. Semma l-proġett tal-iskola ġdida li daqt titlesta u l-proġett infrastrutturali u maġġuri li se jara r-riġenerazzjoni taċ-ċentru ta’ din il-lokalità, b’tisbiħ u żoni ġodda ta’ rikreazzjoni, sabiex ir-residenti jkollhom l-aqwa ambjent. Qal ukoll li dan se jkun l-ewwel proġett li se jkollu ftehim t’għaxar snin biex isir xogħol ta’ manutenzjoni wara li jitlesta

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport