Wednesday, July 24, 2024

“Għalina l-poplu, il-prijoritajiet, l-aspettattivi, l-aspirazzjonijiet tal-poplu dejjem jiġu l-ewwel”- Il-PM

Aqra wkoll

Id-dibattitu ffoka wkoll dwar il-governanza, bil-Prim Ministru jgħid li f’dan il-qasam il-Gvern għamel bidliet kbar fosthom dwar il-mod kif jinħatar il-Prim Imħallef, il-membri tal-ġudikatura, il-Kummissarju tal-Pulizija u anke ssaħħet il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.

Fil-frattemp, huwa semma kif għall-Ewroparlamentari prospettivi Nazzjonalisti, il-governanza tfisser “għodda li biha jagħmlu kemm jifilħu ħsara kontra pajjiżna barra minn xtutna.”

Finalment, il-Prim Ministru qal li l-għażla ta’ nhar is-Sibt hi għażla importanti tista’ tgħid aktar minn kull elezzjoni oħra tal-PE. “Għalina Malta tiġi dejjem l-ewwel. Għalina l-poplu, il-prijoritajiet, l-aspettattivi, l-aspirazzjonijiet tal-poplu dejjem jiġu l-ewwel. Nitlobkom tisilfuni mill-ġdid mandat ta’ fiduċja biex dik il-ħidma tibqa’ għaddejja,” temm jgħid Dr Abela.

Grech jgħid li l-pożizzjoni tal-PN hi ċara filwaqt l Abela qal li jinsab kburii bl-ekonomija tal-pajjiż

Mistoqsi dwar l-ambjent, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-pożizzjoni tal-PN dejjem kienet waħda ċara. Qal li huma jridu li l-ambjent ikun dritt fundamentali u ppreżentaw liġi fil-Parlament f’dan ir-rigward.

Semma l-problema tat-traffiku u qal li fl-2016 “qalulna li se naslu fuq proġetti kbar sabiex negħlbu t-traffiku. Għaddew 8 snin u inti fit-traffiku kont, u fit-traffiku bqajt.”

Fuq dan is-suġġett, il-Prim Ministru qal li sentejn ilu tellqu kampanja elettorali bil-wegħda ewlenija tkun dik ta’ investiment b’saħħtu fl-ambjent, biex ikollna aktar spazji ħodor fil-pajjiż. Semma kif fl-ewwel 100 ġurnata nżammet il-wegħda biex art fiż-Żonqor tibqa’ ODZ u anke l-proġett Shore-to-Ship fil-Port il-Kbir u li issa se jkun estiż fl-Port Ħieles.

Sadanittant, il-Prim Ministru qal li jinsab kburi bl-ekonomija ta’ pajjiżna u nnota kif filwaqt li l-Oppożizzjoni tgħid li l-Gvern mhux qiegħed jimraħ lejn niċeċ ekonomiċi ġodda, fil-ġimgħat li għaddew tħabbar investiment multi miljunarju mill-ST fil-qasam tas-semiconductors.

Qal li jħares ‘il quddiem biex l-opportunitajiet li qed jinħolqu bl-investimenti ġodda jinħatfu miż-żgħażagħ tagħna. Min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fuq il-COLA, il-Gvern qed jeħodlok it-taxxa minnha. Qal ukoll li minkejja l-iskema Stabbiltà, qegħdin naraw li l-prezzijiet għadhom qegħdin jogħlew.

Abela jinnota l-inkonsistenza fid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni

Dr Abela innota wkoll l-inkonsistenza fid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni meta l-ewwel semma lil Ian Borg imbagħad qal li kien qed jirreferi għal Edward Zammit Lewis.

Dwar l-edukaturi, il-Prim Ministru qal li fis-sigħat li għaddew, intbagħtet lilhom ittra personalizzata fejn fiha qed ikun spjegat b’mod ċar iż-żidiet qawwija li se jkunu qed jingħataw fil-ftehim kollettiv li qed jitpoġġa fuq il-mejda.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-politika barranija, il-Prim Ministru tkellem dwar il-kunflitt fil-Lvant Nofsani u l-Gvern dejjem kien ċar fit-talbiet tiegħu għal waqfien permanenti mill-ġlied u sabiex ikun hemm il-paċi minnufih. “Il-paċi, in-newtralità u n-non allinjament insistejt għalihom,” qal Dr Abela.

Grech jkompli jiżbalja u jirreferi għall-Ministru Ian Borg bħala eks Ministru

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li filwaqt li lil ħaddieħor se jħallih “ibeżża’” u jwiegħed dak li mhux se jwettaq, huwa se jkun qiegħed jitkellem fuq dak li sejħilhom “il-fatti”.

Qal li l-PN għandu proposti li jindirizzaw l-ambjent, it-traffiku, l-iskart u l-popolazzjoni għaliex qal li huma l-politika ma jagħmluhiex lejlet l-elezzjoni. “Għax aħna qegħdin hawn għalik u nħallu lil ħaddieħor jibqa’ hemm għalih biss. Għalik ġibna l-isptarijiet. Għalik morna l-Qorti għall-€400 miljun.”


Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li mhux minnu li qal li jridu jgħollu l-prezzijiet tal-enerġija. Hawn qal li kien se jikkwota dak li qal eks Ministru b’rabta mas-sussidji u semma lil Ian Borg, meta fil-verità dan għadu Ministru.

Meta nduna li mhux għal Ian Borg kien qed jirreferi, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li aktar tard kien se jgħid min kien dan l-eks Ministru. Ftit wara huwa qal li dan kien l-eks Ministru Edward Zammit Lewis

“Politika ċċentrata madwar il-ħtiġijiet tan-nies”- Il-PM

Il-Prim Ministru Abela beda biex qal li huwa jemmen li l-politika għandha tkun waħda ċċentrata madwar il-ħtiġijiet tan-nies u mfassla biex isaħħaħ l-aspirazzjonijiet tan-nies. Qal li għalhekk li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju hi waħda fejn is-saħħa tal-għażla tal-poplu hi f’idejk.

Huwa kompla billi semma diversi miżuri li qed jittieħdu fosthom it-tisħiħ b’saħħtu fil-pensjonijiet sena wara l-oħra u anke rrefera għad-diskussjoni li kellu maż-żgħażagħ dwar il-bilanċ li għandu jinżamm bejn l-iżvilupp u l-ambjent biex l-iżvilupp ikun wieħed sostenibbli. Qal li jinsab determinat li jekk jingħata mandat ta’ fiduċja b’saħħtu jkun hemm maż-żgħażagħ biex magħhom jitħaddet dwar dik il-viżjoni.

Huwa żied jinnota kif l-Oppożizzjoni resqet għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b’dokument ta’ faċċata li jħalli barra temi importanti fosthom it-tassazzjoni u l-immigrazzjoni. Dr Abela qal li kuntrarju għal dak li jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni, nhar is-Sibt li ġej il-poplu se jiddeċiedi hu dwar x’futur irridu nagħtu lill-pajjiżna għas-snin li ġejjin.

Abela u Grech isellmu l-memorja ta’ Salvu Muscat

Fil-bidu tad-dibattitu, iż-żewġ mexxejja sellmu l-memorja ta’ Salvu Muscat, missier l-eks Prim Ministru u eks Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat u taw il-kondoljanzi lill-familja Muscat.

Illejla se jkun hemm dibattitu bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Hekk kif ninsabu biss tlett ijiem ‘l bogħod mill-elzzjonijiet tal-Prlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, illejla għad-9:00 p.m se jixxandar l-aħħar dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir bejn il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista Bernard Gech.

Dan is-sit se jkun qiegħed jaġġorna minn mument għal l-ieħor malli jibda d-dibattitu.

Aktar dettalji mal-ħin …

Ekonomija

Sport