F’għeluq id-92 sena mill-mewt ta’ Monsinjur Ġużeppi De Piro, fundatur tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl u tal-Banda San Ġużepp ta’ Għajnsielem, il-memorja tiegħu għadha tgħix bil-qawwa fil-qlub ta’ ħafna. Għalkemm ilu kważi seklu nieqes, il-wirt spiritwali u soċjali tiegħu jibqa’ ħaj, speċjalment permezz tal-patrijiet tal-MSSP (Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl) li jkomplu jġorru l-missjoni tiegħu madwar id-dinja.
Għal din l-okkażjoni, kellna x-xorti nitkellmu ma’ Fr Norbert Bonavia, membru tal-istess soċjeta’ li mhux biss ilu sittin sena saċerdot, iżda jagħmel ħiltu biex in-nies isiru jafu aktar dwar il-fundatur tagħhom li llum hu Qaddej t’Alla, fit-triq lejn il-beatifikazzjoni.
Monsinjur Ġużeppi De Piro twieled l-Imdina fit-2 ta’ Novembru 1877. Missieru kien in-Nobbli Markiż Alessandro De Piro u ommu Ursula Agius. Kien is-seba’ wild fost disa’ aħwa, f’familja sinjura u rispettata. Għalkemm beda jistudja fix-xjenza u l-arti fl-Università ta’ Malta u wara l-liġi fuq ix-xewqa ta’ missieru li riedu jsir avukat, il-qalb tiegħu kienet qed tħabbat għal triq oħra.
“Hu sa minn ċkunitu ried isir saċerdot,” jispjega Fr Norbert, “imma missieru qallu: ‘Biżżejjed hemm ħuk qassis, int aħjar issir avukat.’” Madankollu, wara l-mewt ta’ missieru meta kellu 21 sena, Ġużeppi reġa’ beda jfittex x’ried minnu Alla. Fit-8 ta’ Mejju 1898, waqt it-talb tas-Supplika tal-Madonna ta’ Pompej fil-Belt, ħass ċar is-sejħa tiegħu u minn dak il-mument, iddeċieda li jħalli kollox biex isir qassis.
Għalhekk ommu bagħtitu jistudja Ruma, fejn iltaqa’ ma’diffikultajiet mhux żgħar. Tilef leħnu, marad, u kellu jitlaq għal xi żmien biex ifittex saħħtu fl-Iżvezja. Iżda fl-ispirtu tiegħu qatt ma ċeda. Kien jikteb fid-djarju tiegħu: “Kemm ilni hawn, tlabt, tlabt u tlabt.”
Wara li reġa’ sab saħħtu, ġie ordnat saċerdot u beda jagħmel xogħol pastorali f’Malta. Il-Knisja kienet rat fih bniedem ta’ talent, u għalhekk l-Isqof Mauro Caruana għamlu Segretarju Privat tiegħu, imbagħad Rettur tas-Seminarju Maġġuri, u Direttur ta’ sitt istituti tal-karità fosthom dak ta’ San Ġużepp f’Għawdex.
Monsinjur De Piro ma kienx biss kleriku ta’ kariga. Kien bniedem tal-azzjoni u tal-qalb, li ried jgħix l-Evanġelju fil-prattika. “Għalkemm ġej minn familja nobbli,” jgħid Fr Norbert, “għex ħajja ta’ faqar u umiltà. Kien jgħid: ‘Il-fqar huma kollha ħuti.’”
Huwa kien iqatta’ ħafna ħin fl-istituti tat-tfal orfni, fejn kien jgħix magħhom u jieħu ħsiebhom bħal missier. Spiss kien imur jitlob l-għajnuna minn dawk li jaħdmu fit-tarzna f’Bormla, biex jiġbor xi flus għat-tfal. “Ma kienx isibha bi kbira li jmur jitlob il-flus, xi ħaġa li kieku jien kont nistħi nagħmilha,” jkompli Fr Norbert, “għax kien jaf li kull ġabra kienet tbiddel xi tifel.”
Anke minkejja li kellu l-unur ta’ Monsinjur u kien senatur fil-Parlament ta’ dak iż-żmien, qatt ma kiser ir-rabta tiegħu man-nies sempliċi. Fil-fatt, waqt l-inkwiet tas-Sette Giugno tal-1919, kien wieħed minn dawk li daħal fost il-folla rrabjata biex iwaqqaf id-demm u jikkalma s-sitwazzjoni. “Hu u tliet saċerdoti oħra riskjaw ħajjithom,” ifakkar Fr Norbert, “biex jintervjenu bejn in-nies u s-suldati.”
Skont Fr Norbert, Monsinjur De Piro kien jispikka f’żewġ virtujiet: l-ubbidjenza lejn l-Isqof u l-ħajja tat-talb.
“Kull ma kien jitlob l-Isqof, hu kien jobdi immedjatament,” jgħid Fr Norbert. “Darbtejn biss wera x-xewqa li ma jagħmilx dak li qallu: meta ssuġġerielu jmur jistudja fl-Akkademja Pontifiċja biex isir Nunzju, u meta riedu jagħmlu Monsinjur. Fil-fatt, Monsinjur de Piro wieġbu: ‘Jiena rrid inkun ma’ t-tfal fl-Istitut ta’ San Ġużepp, mhux f’palazz.’”
It-talb tiegħu kien ta’ intimità profonda ma’ Alla. Ma kienx jara t-talb bħala ritwal, iżda bħala relazzjoni ħajja. Kien iqatta’ sigħat jitlob, kultant bil-kwiet, kultant bil-kliem, imma dejjem b’qalb miftuħa għall-Mulej.
Fis-17 ta’ Settembru 1933, waqt li kien se jmexxi l-ewwel purċissjoni tad-Duluri fil-Ħamrun, ħassu ħażin u miet ftit wara fil-kamra tat-tfal tal-isptar tal-Furjana. Kien għadu ma għalaqx 56 sena. Kif qal wieħed mill-professuri li rawh: “Mat-tfal għex, u mat-tfal miet.”
Il-wirt ta’ Mons. De Piro għadu ħaj fis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP), li waqqaf fl-1910. “Il-bidu kien diffiċli ħafna,” jirrakkonta Fr Norbert, “għax il-membri kienu ftit, u wara l-mewt tal-fundatur ħassewhom orfni.” Madankollu, bil-ħin, is-Soċjetà kibret u ssaħħet.
Illum, il-MSSP għandha preżenza f’Malta, Għawdex, l-Awstralja, il-Perù, il-Pakistan u l-Filippini, u dalwaqt fil-Vjetnam ukoll.
Fl-Awstralja jmexxu żewġ parroċċi; fil-Perù huma responsabbli għal tliet parroċċi u klinika medika; fil-Pakistan għandhom kollegju u parroċċa kbira; fil-Filippini hemm id-Dar tal-Formazzjoni, fejn bħalissa hemm 15-il student minn diversi pajjiżi li qed jippreparaw ruħhom biex isiru missjunarji. Fost il-membri tagħhom hemm ukoll Isqof wieħed, Monsinjur Giovanni Cefai.
Fr Norbert jgħid li dan ix-xogħol kollu jsir bil-karità tal-poplu. “Aħna ngħixu minn dak li jagħtuna n-nies,” jgħid. “Għalhekk kull min jixtieq jgħin jista’ joffri speċi ta’ borża ta’ studju ta’ €600 darba biss, jew ftit ftit, biex jgħin fl-istudji tal-istudenti missjunarji. Hemm ukoll fondi oħra għal libreriji jew bżonnijiet edukattivi.”
Min jixtieq jgħin jista’ jikkuntattja direttament lil Fr Norbert Bonavia fuq 7926 5958 jew [email protected].
Bħalissa, Mons. Ġużeppi De Piro hu Qaddej t’Alla, l-ewwel pass fil-proċess lejn il-qdusija. Fr Norbert jispjega li l-kawża għadha miftuħa f’Ruma, u t-talb tan-nies hu essenzjali biex timxi ’l quddiem. “Min jagħmel talba u jikteb il-grazzja li jkun talab bl-interċessjoni tiegħu, jgħin biex il-proċess jimxi,” jgħid. “Aħna nemmnu li Mons. De Piro jista’ jsir qaddis, għax diġà jgħix fil-qdusija tiegħu fil-qlub tagħna.”
“Meta nitkellem dwar Mons. De Piro,” jgħid Fr Norbert b’emozzjoni, “ngħid li kien bniedem li għex għall-oħrajn. Għalina hu mudell ta’ ħajja umli, ta’ faqar, ta’ ubbidjenza u ta’ mħabba lejn Alla u lejn il-bniedem. Kien bniedem li għaraf jgħaqqad is-sema mal-art. U dan jagħmlu qaddis, anke qabel ma jiġi ddikjarat.”

