Saturday, December 21, 2024

“Għalkemm ġejna evakwati qatt ma konna fil-periklu”

... David Grech, unit leader li qed jieħu ħsieb lit-tfal f’Jamboree

Aqra wkoll

Grupp ta’ scouts Maltin ilhom mill-Ġimgħa 28 ta’ Lulju li telqu lejn il-Korea t’Isfel biex jipparteċipaw fit-25th World Scout Jamboree. L-għan wara dan hu li l-iscouts kollha tad-dinja jiltqgħu fl-istess post u jikkampjaw għal xi jiem fejn l-organizzaturi jagħmlu u jieħdu ħsieb diversi attivitajiet.

David Grech, il-unit leader li qed jieħu ħsieb it-tfal tal-Kontinġent Malti fil-Jamboree tal-Korea t’Isfel, f’kummenti li ta lil dan is-sit qal li “Nhar it-Tnejn li għadda l-kap ta’ kull kontinġent attenda għal ‘briefing’ li jsir kuljum. Dak ta’ nhar it-Tnejn kien qed jiffoka biss fuq it-typhoon li kien miexi fid-direzzjoni li aħna qegħdin nikkampjaw. Sa nhar il-Ħamis tal-ġimgħa li għaddiet din il-maltempata estrema ma kinitx imbassra”.

Hu kompla jgħid li waqt il-laqgħa ta’ nhar it-Tnejn, uffiċjali tal-Gvern tal-Korea t’Isfel urew tħassib dwar is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li qegħdin jipparteċipaw fil-Jamboree u għalhekk ġie deċiż li kulħadd jiġi evekwat u jittieħdu lejn post aktar sigur.

“Wara l-laqgħa li saret, il-Kap tal-Kontinġent Malti tkellem magħna l-leaders fejn ingħatajna spjega ta’ dak kollu li kien se jiġri. Ġew mitkellma wkoll il-parteċipanti kollha u kulħadd fehem is-sitwazzjoni,” saħaq Grech ma’ Talk.mt

Minħabba din is-sitwazzjoni u anke li t-typhoon kien fuq il-midja internazzjonali, ġew mitkellma l-ġenituri tat-tfal li qegħdin jipparteċipaw fejn anke ġew informati bil-proċedura li se tittieħed.

“Il-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta għalkemm kien normali, il-parteċipanti  Maltin ħadu l-okkażjoni biex jiltaqgħu ma’ parteċipanti minn pajjiżi diversi fejn kulħadd sellem lil xulxin. It-Tlieta filgħodu mbagħad kellna niġbru t-tined u nitilqu mill-post,” sostna David Grech li ilu membru tal-iscouts għal diversi snin biex illum sar wieħed mil-leaders.

Il-Kontinġent Malti ġie eskortat lejn il-post il-ġdid fejn se jkomplu l-avventura din id-darba ‘l barra mill-belt ta’ Seoul. Huma ġew informati mill-organizzaturi li minkejja li kollox kellu jiġi emendat, il-programm ta’ Jamboree ta’ din is-sena xorta waħda kien se jitkompla. “Għalkemm il-programm se jitkompla għall-Kontinġent Malti, għalina l-leaders is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk li qegħdin nieħdu ħsieb tibqa’ prijorità, filwaqt li se nagħmlu dak kollu possibbli biex lill-parteċipanti noffrulhom l-aqwa esperjenza possibbli,” saħaq Grech.

Mistoqsi dwar l-atmosfera li hemm fost il-Kontinġent Malti, Grech saħaq li hemm sens ta’ diżappunt hekk kif kull scout jista’ jieħu sehem f’Jamboree darba biss f’ħajtu bħala parteċipant. Iżda minħabba s-saħħa u s-sigurtà tagħhom stess, numru ta’ attivitajiet kellhom jiġu mwaqqfa jew inkella jsiru f’post ieħor.

Ta’ min jgħid li l-Kap tal-Kontinġent Malti, is-Sur Timmy Cutugno, qiegħed jattendi s-sitt Jamboree li tnejn minnhom attenda għalihom bħala kap. Dan filwaqt li Grech, qiegħed jattendi r-raba’ Jamboree fejn kellu esperjenza wkoll bħala unit leader. 

It-typhoon se jkun qiegħed jolqot lill-Korea t’Isfel mix-Xlokk, filwaqt li issa l-Kontinġent Malt jinsab fil-Majjistral. 

Ekonomija

Sport