Friday, May 3, 2024

Għalkemm ilu snin twal jgħix f’art barranija, iħoss li l-ġibda lejn l-għeruq għadha b’saħħitha

— Jim Borg, Malti li ilu 60 sena jgħix l-Awstralja

Aqra wkoll

“Is-Siġġiewi u Malta ma ninsiehom qatt … ma tgħaddix ġurnata li ma tiftakarx f’pajjiżek,” sostna Jim Borg, f’wieħed mill-kummenti li ta lil dan il-ġurnal b’rabta mal-emigrazzjoni tiegħu lejn l-Awstralja.

Jim, imwieled is-Siġġiewi, ilu li ħalla lil pajjiżna 60 sena, minn Marzu tal-1963. Huwa trabba’ l-Fawwara, fejn anki kellhom xi għelieqi fl-akkwati u kien involut fl-Azzjoni Kattolika maż-żgħażagħ tamparu. Kien għadu daqsxejn ta’ ġuvni, fl-età ta’ 19-il sena, meta ddeċieda li jrid jitlaq minn Malta biex jara x’hemm lest għalih f’art barranija.

Appena temm l-istudji tiegħu tas-sekondarja, lesta l-eżamijiet u rħielha lejn l-Awstralja, fejn ġa kellu lil oħtu u lil ħuh jistennewh f’Sydney. L-ewwel ftit ġimgħat għexhom ma’ ħuh, imbagħad telaq jgħix m’oħtu.

Hawnhekk tajjeb li nsemmu li ma kinitx ħaġa daqshekk faċli sabiex persuna tmur tgħix f’art barranija jekk ma jkollhiex akkomodazzjoni. Il-fatt li ġa kellu xi familjari hemmhekk, dan għamillu ħajtu iżjed faċli.

“Meta mort hemm ma kontx naf kemm se ndum … 60 sena wara għadni l-Awstralja”

“Niftakar morna nimlew il-formola … ridna l-permess tal-ġenituri għax kellna inqas minn 21 sena,” fissrilna Jim. Hawnhekk ma naqasx milli jsemmilna l-ispirtu avventuruż tiegħu, hekk kif qalilna li għalkemm kellu għażla jmurx bil-vapur jew bl-ajruplan ipprefera l-vapur minħabba li l-vjaġġ kien idum iżjed. “Konna 400 Malti/ja meta tlaqt jiena … il-biċċa l-kbira żgħażagħ”.

Jim qatta’ erba’ ġimgħat biex wasal l-Awstralja. B’xorti tajba meta emigra hu sab is-Suez Canal miftuħ, għaliex kieku l-vjaġġ kien jitwal b’xi xahrejn jew tlieta oħra.

“Meta mort hemm ma kontx naf kemm se ndum … 60 sena wara għadni l-Awstralja. Kien hemm xogħol kemm trid u l-pagi kkumparati ma’ dawk ta’ Malta kienu t-tripplu,” spjegalna Jim. Fl-istess waqt qalilna wkoll li meta persuna kienet tiddeċiedi li temigra, kien ikollha sapport finanzjarju mill-Gvern. Però, il-persuna li tkun ibbenefikat minn din l-għajnuna kellha tqatta’ minn tal-inqas sentejn fil-pajjiż magħżul għax jekk kienet tirritorna Malta qabel ma jgħaddi dan il-perjodu kien ikollha trodd lura l-flus tal-passaġġ.

L-ewwel impjieg tiegħu kien bħala assistent fi stazzjon tal-ferrovija. Maż-żmien bidel ix-xogħol u għamel sena jaħdem bħala pustier, sakemm imbagħad sab postu ma’ kumpanija tal-kotba għal 17-il sena sħaħ. Minn hemm għamel xi żmien jaħdem f’bank u eventwalment temm il-karriera tiegħu tax-xogħol b’16-il sena sħaħ bħala senior mat-Toyota.

Is-sħubija f’diversi għaqdiet u r-raġuni wara l-involviment dirett fil-komunità Maltija tal-Awstralja

Apparti li kien iħabrek biex jaqla’ l-għajxien tiegħu, huwa kien involut f’diversi għaqdiet. Fosthom, sa mill-1963, is-sena li fiha wasal l-Awstralja, issieħeb b’involviment dirett fil-komunità Maltija tal-Awstralja u saħansitra qatta’ ħames snin jagħmel programmi tar-radju bil-Malti.

“Lill-Maltin kulħadd kien iħobbhom għax jaħdmu iebes … 95% tal-Maltin li emigraw kienu illitterati jew semilitterati. B’hekk bdejt nidħol fil-komunitajiet biex ngħinhom f’dak li jeħtieġu”.

Kien ukoll Viċi President ta’ għaqda tal-kultura Maltija, fejn fost l-oħrajn kienu jorganizzaw lejla Maltija sabiex l-emigranti Maltin ikollhom l-opportunità li jinġabru flimkien u jġeddu l-memorji. Qalilna wkoll li għamel 10 snin fil-kariga ta’ Uffiċjal tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fil-Kumitat tal-Festa ta’ San Nikola, festa li għadha tiġi ċċelebrata wkoll f’Diċembru, fil-festa liturġika tagħha.

Bħalissa Jim għadu fil-kariga ta’ koordinatur għall-ġbir tal-flus b’risq id-Dar tal-Providenza. Infatti, f’Lulju li għadda bħala għaqda ppreżentaw is-somma ta’ $20,000 lid-Dar tal-Providenza.

Iż-żjarat f’Malta u r-rabta b’saħħitha ma’ raħal twelidu

Jim huwa missier ta’ tliet subien, nannu ta’ għaxra u bużnannu ta’ erbat itfal. Huwa kien miżżewweġ lil Carmen, Maltija wkoll, u li ħalliet din id-dinja madwar sena u nofs ilu.

Iż-żjarat tiegħu f’Malta bdew fl-1975, għaliex sa dan iż-żmien laħaq bena familja u ħa l-istat tiegħu. Minn hemm bdew iżommu appuntament għal żjara f’Malta kull sentejn jew tliet snin. Ir-raġuni ewlenija wara dawn il-btajjel f’art twelidu hija l-festa ta’ San Nikola li għad għandha post speċjali f’qalbu.

F’rakkont partikolari li aċċenna għalih ma’ dan is-sit, hu ħadna lura għat-13 ta’ Mejju tal-1975 fejn qalilna li fiż-żjara ta’ dik is-sena kellu x-xorti jiltaqa’ personalment mal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, il-Perit Duminku Mintoff, u li saħansitra marru jgħumu flimkien. Kif bosta jistgħu jikkonfermaw, l-għawm kienet attività fiżika ferm għal qalb Mintoff. Saħansitra, Jim elenka wkoll li wieħed minn uliedu tgħallem jgħum mal-Eks Prim Ministru.

Jim, minkejja li llum il-ġurnata huwa armel, baqa’ jħaddan il-prinċipju li “l-ħajja għandha tibqa’ għaddejja”. Infatti, apparti li bħalissa huwa l-Koordinatur tal-Friends of Providence House ta’ New South Wales, fejn ta’ kull sena jkun impenjat jiġbor fondi għall-Maratona tad-Dar tal-Providenza f’Malta, qed jaħdem ukoll dwar proġett ta’ restawr.

F’din l-aħħar żjara tiegħu, huwa kellu laqgħat ma’ diversi persuni, fosthom mal-Ministru Owen Bonnici, mas-Sindku tas-Siġġiewi Dominic Grech u ma’ Michael Pace Ross, fost oħrajn, bil-għan li jsir restawr fuq il-kappella tal-Karmnu f’tal-Fawwara, is-Siġġiewi.

“Jekk ma jsir xejn, ġawhra bħal din, li hi parti mill-wirt nazzjonali, m’għandekx ċans li tirranġaha,” tenna b’ċertu dispjaċir u determinazzjoni Jim.

Sport