Wednesday, January 8, 2025

“Għalkemm irbaħt xorta ngħid li għad fadalli x’nitgħallem” Nicholas Bartolo, rebbieħ tat-tieni staġun ta’ MasterChef Malta

Aqra wkoll

“Nammetti li għalkemm irbaħt MasterChef Malta, xorta ngħid li għad fadalli x’nitgħallem għax kif jgħidu, fil-ħajja taf kemm taf qatt mhu biżżejjed. Ma jfissirx li sirt kok professjonali, anzi hemm ħafna affarijiet li għad irrid nipperfezzjona fihom.”

Iddikjara dan Nicholas Bartolo, ir-rebbieħ tat-tieni staġun ta’ MasterChef Malta f’kummenti ma’ dan is-sit, ftit sigħat biss wara li tħabbar ir-riżultat. Fil-finali, huwa kkompeta ma’ Christina Mousu u Florina Silvio.

Nicholas ipprepara platti verament sbieħ u appetitużi mill-ewwel wieħed sad-deżerta fejn għaġġeb lil kulħadd bil-kwalitajiet u l-kapaċitajiet kulinarji tiegħu. Hu wera determinazzjoni kbira u kompla jservi platti konsistenti tul is-sensiela.

Din kienet ukoll bidu ta’ sena mill-aqwa għal Bartolo minħabba li kif ħabbar fuq it-televiżjoni ftit tal-jiem ilu se jsir nannu.

Bħala persuna, Nicholas stqarr mal-preżentatriċi tal-programm li hu ma tantx jemmen fih innifsu u jsib ħafna kuraġġ minn bintu. Minkejja li jammetti li mhux ta’ ħafna skola, fid-dar dejjem imidd idejh għal kollox. Anke meta sempliċement kien għarus, qatt ma ħares lura u ħadem b’idu dak kollu li kien hemm bżonn biex ilesti d-dar.

Saqsejnieh jekk kienx qed jistenna din ir-rebħa. “Biex ngħidlek is-sew ġaladarba wasalt sal-finali, ridt immur għar-rebħa. Meta tkun daqshekk viċin ma tkunx tixtieq titlef. Nirringrazzja ‘l Alla wasalt fejn ridt u issa nista’ ngħid li jien ir-rebbieħ tat-tieni edizzjoni ta’ MasterChef Malta 2025.”

Saqsejna lil Nicholas Bartolo dwar kif bdiet din l-imħabba tiegħu lejn it-tisjir. “Kollox beda min-naħa ta’ ħija li influwenzani ħafna fid-deċiżjonijiet li ħadt. Hu kien jieħu ħsieb ristorant, kien kok hu stess u kellu anke dak li nsejħulu ħanut take-away. Kien hu li beda jħajjarni nsajjar, anke għax kont ngħinu kif nista’ jien ukoll. Apparti minn hekk, ommi dejjem bil-borma għaddejja fil-kċina filwaqt li missieri kien jagħmel xi ħaġa wkoll. Madankollu l-bażi tad-deċiżjonijiet ħadthom grazzi għal ħija.”

Nicholas Bartolo qalilna li x-xena kulinarja f’Malta qed tiżviluppa mhux ftit f’dawn l-aħħar snin minħabba li hawn ħafna blogs u hawn fejn tmur tiekol. Kull ristorant joffrilek l-ispeċjalità tiegħu filwaqt li tibda tinnota kif wieħed iżejjen il-platt biex iħajjar lil dak li jkun. Skont Bartolo, dan kollu hu sinjal tajjeb li l-affarijiet qed jevolvu f’dan il-qasam.

Bartolo sostna li t-tisjir sabiħ għax jagħtik motivazzjoni ġdida għalkemm jiddubita kemm il-bniedem għandu ċans isajjar illum il-ġurnata bil-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu. Kif jgħid hu stess, it-tisjir irid il-ħin iżda wkoll il-paċenzja. Madankollu meta jirnexxielu, din hi xi ħaġa verament sabiħa.

Nicholas rebaħ is-somma ta’ €25,000. Kif jippjana li jużahom? “L-ewwelnett kif diġà għedtlek se nkun qed insir nannu u għalhekk ninsab ħerqan għal dan it-twelid ġdid. Żgur li se nkun qed ngħin lit-tfal tiegħi li għadhom qed jibdew id-dinja. Imbagħad ikun hemm il-bżonnijiet tal-ħajja li kif nafu mhux irħas u għalhekk se nagħmel użu tajjeb ta’ din is-somma.”

Ir-rebbieħ tat-tieni staġun ta’ MasterChef Malta jammetti li kieku jingħata ċ-ċans jerġa’ jieħu sehem mhux se jaħsibha darbtejn għax verament ħa gost b’din l-esperjenza. Hu faħħar it-tim tal-produzzjoni li verament kienu professjonali f’xogħolhom u anke bl-organizzazzjoni li hu sejħilha impekkabbli.

Nicholas Bartolo permezz ta’ din l-intervista qed iħajjar aktar nies japplikaw għall-istaġun li jmiss ta’ MasterChef Malta għax kif qal hu stess, tmur hemmhekk u titgħallem affarijiet ġodda.

Minkejja kollox, kif stqarr hu stess apparti li jrid ikollok ingredjenti tajbin, il-kok stess irid ikun tajjeb għax kollox irid isir mill-qalb. Hu semma’ t-tifel ta’ ħuh li wkoll qed jaqbad din il-linja u minn hawn awguralu ħafna affarijiet sbieħ.

Finalment Nicholas Bartolo xtaq iwassal messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-kċina. “Kompli imraħ u tgħallem u qatt tgħid li taf biżżejjed għax f’din id-dinja kulinarja dejjem hemm x’titgħallem. Sajjar bil-qalb u r-riżultat ikun tajjeb ħafna!”. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport