Minn Cristian Muscat
Kif bdiet il-ħajra tiegħek illi tilgħab dan l-isport?
Jiena bedjt nilgħab meta kelli madwar seba’ snin. Għall-ewwel kienet diffiċli għalija għax ma tantx kelli ħajra mmur il-klabb għax jiena kont l-unika tifla u ħassejt li ma kellix ċans nkun tajba daqs l-oħrajn. Imma ommi, li hija kowċ tat-table tennis, rat il-potenzjal li kelli u baqgħet tinkuraġġini biex immur nilgħab, u bis-saħħa tagħha bdejt nara kemm it-table tennis huwa parti importanti minn ħajti u kemm dan l-isport jegħnni biex nkun aktar b’saħħti, mhux biss fiżikament imma ukoll mentalment. Issa qiegħda nilgħab mal-Alpha Table Tennis Klabb u ma nistax nimmaġinani nilgħab sport ieħor.
X’unuri prinċipali rbaht fit-table tennis kemm f’pajjizna kif ukoll barra minn xtutna?
F’Malta rbaħt bosta premijiet fil-kategoriji tal-Juniors kif ukoll Seniors. Bħalissa (2023) għandi t-titlu tal-‘Under 21 Girls’ National Champion’ Għadni niftakar meta rbaħt l-ewwel logħoba internazzjonali tiegħi fl-2018 f’Ċipru fejn irbaħt kontra tifla mill-Jordan. Niftakar ukoll l-ewwel rebħa internazzjonali tiegħi fil-kategorija tan-nisa f’Belpasso,Sqallija .
Kellimni dwar il-kampjonat tat-table tennis lokali. Kemm hemm timijiet illi jipparteċipaw fih?
F’Malta hawn erba’ diviżjonijiet u f’kull diviżjoni hemm madwar għaxar timijiet. Is-sistema li nużaw għawnhekk hija differenti minn dik li jużaw fl-Italja. Fl-Italja, jaħdmu b’sistema ta’ gruppi, imma f’Malta nużaw s-sistema ta’ League tradizzjonali fejn kullħadd jilgħab kontra xulxin.
Kif tikkumpara l-livell ta’ dan il-kampjonat fl-Italja ma’ dak f’Malta?
Il-plejers li lgħabt kontrihom fil-kampjonat Taljan għandom livell simili għal dak tal-ewwel division ta’ Malta, jiġifieri li huma tajbin ħafna. fl-Italja hemm aktar nies li jilagħbu, dan ifisser li hemm aktar varjetà ta’stili u nazzjonalitajiet mentri hawnhekk, dejjem nilgħabu mal-istess nies. Imma fl-aħħar mill-aħħar ħassejt li xorta għandi il-kapaċità nikkompeti fih.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim Sqalli, A.S.D T.T Ausonia Enna.
F’din il-kompetizzjoni, jiena lagħbt mat-tim Sqalli, A.S.D T.T Ausonia Enna. Aħna ħdimna tajjeb ħafna bħala tim. Mikejja li sibtha diffiċli minħabba l-fatt li jiena m’għandix Taljan tajjeb daqs tagħhom, ma ħallejniex il-fruntieri tal-lingwa jħallina milli nenkoraġixxu lil xulxin u nieħdu gost nilagħbu flimkien.
Meta mmur nirrappreżenta lil Malta mat-tim nazzjonali, hemm l-istess atmosfera ta’ għaqda. Minkejja li nittrenjaw ġo klabbs differenti u rridu nilgħabu kontra xulxin ħafna drabi, peress li nqattgħu ħafna ħin flimkien meta nsiefru (u għandna kważi l-istess età), sirna qisna familja. Jiena ilni nsiefer mat-tim nazzjonali mill-2018. Aħna morna għal ħafna tournaments kbar flimkien u dejjem ninkoraġġixxu lil xulxin, ikun xi jkun ir-riżultat.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?
Meta nħares lejn il-futur tiegħi f’dan l-isport, nżomm idejja miftuħin sabiex nilqa’ kull opportunità li tiġi. Nixtieq li nibqa’ nikkompeti f’kompetizzjonijiet internazzjonali mat-tim nazzjonali Malti jew ma’ timijiet barranin, sabiex inkun nista’ nżid mal-esperjenza u ntejjeb dejjem iktar il-logħba tiegħi.
Fis-sajf li għadda (2022), mort għal training camp fi Franza. Kellimt mal-coach t’hemmhekk u skoprejt li għandhom skema fejn l-atleti jistgħu jgħixu hemm, jittrenjaw, jikkompetu u jistudjaw. Din hija opportunitá mill-aqwa u meta nlesti mill-eżamijiet (MATEC A-levels) bi ħsiebni nirranga biex nagħmel din l-esperjenza unika.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar appell lil dawk li qegħdin jaqraw din l-intervista u jixtiequ jaqbdu t-table tennis.
Jiena rrid ngħid li għalkemm it-table tennis m’huwiex sport faċli, jagħtik ħafna sodisfazzjon. Għalija dan l-isport huwa mod ta’ kif neħles mill-istress u tgħinni biex nsaħħaħ ruħi mentalmanet u fiżikament. It-table-tennis għallimni wkoll kif inkun persuna aktar pożittiva u kunfidenti, u bis-saħħa tiegħu, nista’ ndur id-dinja u niltaqa’ ma nies ġodda, u dawn l-esperjenzi se jibqgħu miegħi u jgħinuni tul ħajti kollha!