Sunday, December 22, 2024

Għall-ewwel darba fl-istorja, il-pajjiżi tad-dinja jaqblu li jridu jibdew tranżizzjoni biex jeħilsu mill-fossil fuels

Il-Ministru Miriam Dalli tgħid li dan il-ftehim huwa pass ‘il quddiem li l-pajjiżi jridu jkomplu jibnu fuqu f’COPs futuri

Aqra wkoll

Il-ftehim finali milħuq f’Dubai għall-COP28 jitkellem għall-ewwel darba dwar tranżizzjoni lil hinn mill-fossil fuels.

Miriam Dalli, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, li kienet parti min-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea, qalet li għalkemm dan il-ftehim mhux is-soluzzjoni finali għat-tibdil fil-klima, madanakollu għall-ewwel darba l-pajjiżi kollha qablu li d-dipendenza fuq il-fossil fuels trid tispiċċa.

“Sa mill-bidu deher ċar li mhux faċli li l-pajjiżi kollha bir-realtajiet differenti tagħhom jaqblu fuq it-tneħħija tal-fossil fuels,” qalet il-Ministru Dalli. “Hemm pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u oħrajn li huma żviluppati li jużaw sorsi ta’ enerġija għal kollox differenti minn xulxin. Però mill-bidu nett Malta, flimkien mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea, u anke l-istati ż-żgħar, dejjem insistiet li ma stajniex immorru lil hinn miż-żieda ta’ 1.5 gradi Celsius fit-temperaturi.”

Fil-ftehim milħuq f’Dubai, il-pajjiżi qed jintalbu jibdew bit-tranżizzjoni lil hinn mill-fossil fuels biex jilħqu emissjonijiet net żero sas-sena 2050. Biex intlaħaq dan il-ftehim kien hemm diversi negozjati li intensifikaw fl-aħħar sigħat u f’ħinijiet minnhom kien hemm anke l-biża’ li jista’ jisfaxxa kollox.

“Hemm aktar affarijiet li għad iridu jiġu indirizzati,” sostniet il-Ministru Miriam Dalli, “Imma nemmen li l-ftehim storiku milħuq fil-COP28 jista’ jkompli jiġi msaħħaħ fil-COPs tas-snin futuri. Biss biss, il-fatt li l-pajjiżi qed jaqblu li l-fossil fuels iridu jispiċċaw ifisser li kull pajjiż irid jibda jagħmel il-bidliet neċessarji f’qasir żmien.”

Fuq il-file tal-adattament, li fuqu l-Ministru Miriam Dalli kienet qed tinnegozja flimkien mal-Ministru tal-Awstrija Leonore Gewessler f’isem l-Unjoni Ewropea, intlaħaq qbil biex l-għajnuna għall-pajjiżi l-inqas żviluppati biex ikunu jistgħu jadattaw għat-tibdil fil-klima, tirdoppja minn dik li tingħata llum.

“Dan l-impenn jagħti sinjal ċar li hemm l-għarfien li l-pajjiżi l-aktar vulnerabbli ma jistgħux jitħallew waħedhom. Għalkemm dan l-ammont żgur li se jkollu jiżdied fil-futur, però s-sinjal li qed jingħata huwa sinjal b’saħħtu li rridu nkomplu nibnu fuqu,” qalet il-Ministru Dalli.

Din kienet l-ewwel darba li ntlaħaq qbil fuq mira globali għall-adattament għall-klima, li fost l-oħrajn jinkludi wkoll programm ta’ kull sentejn li jieħu kont tal-progress li jkun sar fl-oqsma tal-iskarsezza tal-ilma, il-produzzjoni tal-ikel, is-saħħa, l-ekosistemi u l-bijodiversità, l-infrastruttura, il-faqar u l-kultura.

Fost il-mexxejja internazzjonali li attendew għall-ftuħ tal-COP28, kien hemm ukoll il-Prim Ministru Malti Robert Abela li sostna l-pożizzjoni ta’ Malta favur ftehim ambizzjuż. Għall-ewwel darba Malta kienet involuta fin-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tal-Ministru Miriam Dalli, bl-appoġġ tat-tim tekniku Malti u l-Ambaxxatriċi għat-Tibdil fil-Klima, il-Profs. Simone Borg.

Ekonomija

Sport