Saturday, October 26, 2024

Għall-ewwel darba se tittella’ s-Sela Cup, b’appoġġ ta’ VisitMalta

Aqra wkoll

VisitMalta ħabbret is-sħubija tagħha ma’ Newcastle Utd. biex jittella’ għall-ewwel darba s-Sela Cup tournament, bil-partiti se jkunu qegħdin jintlagħbu f’St. James Park bejn il-5 u s-6 t’Awwissu li ġej.

Matul dan it-tournament, il-Magpies immexxija minn Eddie Howe se jkunu qed jilagħbu kontra t-timijiet ta’ Fiorentina, Nice u Villarreal. B’żieda ma’ dawn il-partiti, it-tim tan-nisa tal-futbol ta’ Newcastle se jkunu qed jilagħbu kontra t-tim tan-nisa ta’ West Bromwich Albion nhar il-5 t’Awwissu.

Dan it-tournament seta’ jittella’ grazzi għall-appoġġ ta’ VisitMalta, li huwa l-isponsor ewlieni tal-avveniment, u anke Sela, l-isponsor il-ġdid għall-fuq il-flokk ta’ Newcastle Utd.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Newcastle Utd. Darren Eales esprima l-entużjażmu tiegħu għal dan it-tournament u stqarr li “hemm stennija kbira għall-bidu tal-istaġun 2023/24. Li nkunu nistgħu nagħtu jumejn ta’ futbol bħal dawn lill-partitarji tagħna, li se tinvolvi kemm lit-timijiet tal-irġiel u tan-nisa, hi xi ħaġa li qed nistennew bil-ħerqa.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) Carlo Micallef stqarr li l-ivvjaġġar għal skop ta’ vaganza u l-futbol iqanqlu emozzjonijiet kbar li normalment naqsmu ma’ dawk għeżież għalina.

Huwa qal li VisitMalta hija kburija li tkompli bil-kampanja ta’ marketing tagħha barra l-pajjiż, anke fid-dinja tal-futbol, billi tissieħeb ma’ Sela għat-tournament li se jintlagħab fi Newcastle li se jiġbor fih fost l-aqwa timijiet mir-Renju Unit, l-Italja, Franza u Spanja, erba’ swieq ewlenin għat-turiżmu lejn il-gżejjer Maltin.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayon Bartolo qal li dan it-tournament huwa opportunità oħra biex inkomplu nsaħħu l-viżibilità ta’ pajjiżna fit-turiżmu sportiv.

Sport