Thursday, October 16, 2025

Għall-ewwel darba vapur tal-MSC Explora Journeys jitqabbad  ma’ sistema ta’ Shore-to-Ship fil-Port il-Kbir

Aqra wkoll

F’Boiler Wharf fl-Isla, il-Prim Ministru Robert Abela żar l-MSC Explora II, li għażel lill-pajjiżna biex jagħmel testijiet għall-użu tal-enerġija minn fuq l-art, ix-shore-to-ship. Għal darb’oħra, il-kumpanija MSC għażlet lil Malta biex twettaq dawn it-testijiet fi żmien li qed jittellgħu l-Kungress GreenPort u l-konferenza ‘Decarbonising the Future’ li qed iġibu flimkien nies mis-settur marittimu li qed iħarsu lejn prattiċi sostenibbli favur l-ambjent.

Dan il-vapur tqabbad mal-elettriku għall-ewwel darba, xhieda tal-fiduċja li s-sistema f’pajjiżna tgawdi fost wieħed mill-ikbar operaturi f’dan is-settur. Sa mill-bidu tat-tħaddim tal-proġett tax-shore-to-ship f’pajjiżna, il-bastimenti tal-MSC Cruises qattgħu aktar minn 300 siegħa konnessi mal-grid elettriku nazzjonali waqt iż-żjarat tagħhom fil-Port il-Kbir.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għall-proġett tax-shore-to-ship li issa l-pajjiż ilu fuq sena li beda jużah anki għall-benefiċċju ta’ madwar 17,000 resident li jgħixu madwar il-Port il-Kbir, hekk kif il-proġett se jfisser tnaqqis drastiku ta’ 90% tat-tniġġis iġġenerat minn vapuri li jidħlu fil-Port il-Kbir sas-sena 2030. Fil-fatt f’sena kellna x-shore-to-ship fil-Port il-Kbir użat mat-80 darba fejn intużaw mat-3.7 miljun kilowatt ta’ elettriku. Rata b’saħħitha meta mqabbla ma’ portijiet ewlenin oħra fl-Ewropa u meta tikkunsidra fatturi bħal bosta vapuri għadhom qed jagħmlu l-modifiki meħtieġa biex ikunu jistgħu jużaw is-sistema tax-shore-to-ship.

Akkumpanjat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka wkoll li pajjiżna qed jaħdem fuq aktar konnessjonijiet tax-shore-to-ship, inkluż f’żoni oħra tal-Port il-Kbir u b’investiment fil-Port Ħieles ġewwa Birżebbuġa. Żied jgħid, “Qed nuru kif Malta tista’ tgħaqqad it-tkabbir ekonomiku mal-progress ambjentali. Is-sistema tal-provvista tal-elettriku fil-Port il-Kbir hija investiment f’arja aktar nadifa flimkien mat-turiżmu sostenibbli. Settur li fih irridu nkomplu wkoll nattiraw il-kwalità.” Qal li bil-pass ta’ MSC qed inkomplu nkunu ta’ eżempju għar-reġjun tal-Mediterran.

Pierfrancesco Vago, Chairman Eżekuttiv tal-Cruise Division tal-MSC Group qal, “Dawn il-passi juru kif it-teknoloġija u l-investiment jistgħu jwasslu għal benefiċċji ambjentali immedjati. Malta kienet l-ewwel port fil-Mediterran li lestiet is-sistema tax-shore-to-ship, b’infrastruttura sostenibbli li tista’ tappoġġja kemm l-għanijiet ambjentali kif ukoll it-turiżmu. Għandna storja b’saħħitha ta’ kollaborazzjoni mal-Gvern Malti, nirringrazzjawh għall-appoġġ kontinwu tiegħu.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport