Sunday, December 22, 2024

“Għall-ħaddiema u l-pensjonanti €10 żieda mhix biżżejjed”

Analista finanzjarju dwar l-effetti tas-sanzjonijiet imposti mill-UE fuq ir-Russja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna ftit li xejn tat nifs lil diversi pajjiżi madwar id-dinja jirkupraw mill-pandemija li wara xhur ta’ sfidi b’xi mod raw kontroll fil-firxa tal-virus. Il-pandemija kienet daqqa ta’ ħarta għal diversi industriji madwar id-dinja u kkawżat numru ta’ negozji biex jagħlqu l-bibien tagħhom minħabba diversi raġunijiet fosthom nuqqas kbir fid-domanda u saħansitra kellek dawk li ma kellhomx biżżejjed impjegati biex jilħqu l-produttività neċessarja minħabba firxa qawwija ta’ każi fost il-ħaddiema stess. 

Rajna kif pajjiżi kbar bħalma huma Spanja, ir-Renju Unit, it-Tuneżija, Franza u l-Italja, fost pajjiżi oħra kellhom tnaqqis ekonomiku sostanzjali anke minħabba gwerra li kienet prevista li ttul ferm inqas. Dan hekk kif qbiżna s-sitt xhur mill-invażjoni tar-Russi fl-Ukrajna, gwerra li minkejja li kien imbassar li se tkun waħda faċli għar-reġim ta’ Putin, sabet konfront pjuttost b’saħħtu mill-poplu mmexxi mill-President Ukren Volodymyr Zelensky li saħansitra tenna kemm il-darba li se jkun hu li joħroġ rebbieħ. 

Minkejja li l-pajjiżi Ewropej huma dipendenti ħafna fuq ir-Russi fejn jidħlu sorsi ta’ enerġija, sa minn Frar li għadda l-Unjoni Ewropea imponiet numru ta’ sanzjonijiet bil-ħsieb li ttaffi b’xi mod is-saħħa tal-pajjiż fl-esportazzjoni ta’ dawn is-sorsi bħalma huma ż-żejt u l-gass. Hu stmat li s-sena li għaddiet ir-Russja daħħlet mal-€400 biljun mill-esportazzjoni ta’ dawn is-sorsi lejn l-Ewropa. Il-ħsieb wara s-sanzjonijiet imposti huwa li l-Ewropa tnaqqas b’90 fil-mija l-ammont ta’ żjut li tixtri mir-Russja, iżda minkejja li dan il-proċess diġà ħa diversi xhur u għad baqa’ iżjed, qiegħed ikun maħsub li r-Russja se tilħaq issib bejgħ tiegħu f’pajjiżi oħra. L-Indja u ċ-Ċina huma fost il-pajjiżi li fl-aħħar xhur żiedu x-xiri taż-żejt minħabba li l-prezz tiegħu naqas. 

Lil hinn minn dan it-tbassir tal-prezzijiet u jekk fuq kollox il-pajjiżi Ewropej humiex se jkunu f’pożizzjoni li jkopru d-domanda tal-enerġija filwaqt li jżommu mas-sanzjonijiet, huwa fatt li diversi pajjiżi jinsabu viċin li jidħlu f’riċessjoni, b’oħrajn li diġà jinsabu fiha. Dwar dan tkellimna mal-analisata finanzjarju Steve Ellul fejn fost affarijiet oħra staqsejnih dwar il-biża’ li pajjiżna jispiċċa f’riċessjoni. Ellul qalilna li l-andament ekonomiku f’pajjiżna huwa wieħed b’saħħtu. Huwa fakkar li fit-tieni kwart tas-sena Malta rreġistrat tkabbir ekonomiku ta’ 9 fil-mija kkumparat mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. L-indikazzjonijiet huma li jekk jinżamm dan ir-ritmu sal-aħħar tas-sena, Malta se jkollha tkabbir ekonomiku viċin il-5 fil-mija li huwa id-doppju tal-medja Ewropea. 

L-irkupri b’saħħtu fis-settur turistiku flimkien ma’ andament tajjeb tad-domanda u l-konsum intern jidhru li huma fatturi ewlenin fl-istatistika li qed toħrog kemm mill-Bank Ċentrali u anke mil-NSO. Kompla biex jgħidilna li minkejja dan, huwa evidenti li l-għoli tal-ħajja qed iħalli l-impatt tiegħu fuq l-aspettativa u s-sentiment tal-konsumatur inġenerali. Dan jista jirrifletti f’nuqqas fl-attività kummerċjali fix-xitwa li ġejja speċjalment jekk tiżdied il-biża’ li l-prezzijiet mhux se jibqgħu taħt kontroll.

Spjega li f’dan il-kuntest huwa importanti ħafna li l-ekonomija Maltija tattira lejha u tinstiga aktar investiment.

“Naħseb li huwa indispensabbli li fil-budget li ġej ikun hemm miżuri li jżidu l-investiment f’pajjiżna u jnaqqsu l-ostakli fiskali biex dan isir. Dan huwa neċessarju għax l-ekonomija għandha bżonn tkompli għaddejja sabiex pajjiżna jkun jista’ jżomm dawn il-miżuri ta’ sostenn. Fl-istess ħin huwa importanti li l-investiment ikun jindirizza niċeċ ekonomiċi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u li jgħinu biex l-ekonomija Maltija tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-energija tradizzjonali u taqleb b’rata aktar mgħaġġla lejn enerġija aktar nadifa”, qalilna Ellul.

Stmat li kull familja qed tiffranka €1,700 f’kontijiet fis-sena

Fl-aħħar jiem pajjiżi fl-Unjoni Ewropea esprimew tħassib dwar il-prezzijiet tal-enerġija u l-bżonn li tittieħed azzjoni minħabba s-sitwazzjoni fir-Russja u l-prezzijiet tal-gass minħabba s-sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja li hu stmat li s-sena li għaddiet forniet mal-40 fil-mija tal-gass tal-pajjiżi fl-UE. Sostnew dwar il-bżonn li l-prezz tal-elettriku jkun distakkat minn dak tal-gass u li jekk dan ma jseħħx se nassistu għal “Xtiewi terribbli”. Mistoqsi dwar dawn l-aħħar żviluppi, l-analista finanzjarju qalilna li għal kuntrarju ta dak li qed jiġri fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea, il-gvern Malti ħa deċiżjoni konxja li jipproteġi lill-familji u lin-negozji Maltin miż-żieda fil-kontijiet tal-elettriku minkejja li l-pajjiż qed iħallas prezzijiet għoljin għall-gass li jintuża fil-powerstations tagħna. L-istess qed jiġri fil-prezzijiet tal-fjuwils li wkoll qed jinżammu stabbli. Dan ifisser li familja qed tiffranka madwar €1,700 f’kontijiet tad-dawl, gass u fjuwil f’sena. Meta wieħed iqis li l-paga medja f’Malta tammonta għal l-istess ammont wieħed jista’ jgħid li d-deċiżjoni tal-gvern qed twassal biex in-nies jirċievu paga addizzjonali fis-sena li qed tagħmel tajjeb għall-kriżi tal-energija. 

Dan jikkuntrasta mhux ftit mad-deċiżjonijiet li qed jittieħdu f’pajjiżi oħrajn bħar-Renju Unit li din il-ġimgħa stess żied bi 80 fil-mija l-kontijiet tad-dawl u b’hekk sa Jannar li ġej huwa stmat li nofs il-popolazzjoni brittanika mhux se tkun kapaċi isaħħan darha. 

“Irridu nkomplu nsostnu l-investiment biex ma nidħlux f’riċessjoni” 

Steve Ellul

L-analista kompla biex jgħid li huwa vera li f’Malta n-nies u n-negozji mhux qed iħallsu l-prezz ta’ dan kollu b’mod dirett imma huwa minnu wkoll li l-gvern u l-pajjiż qed iħallsu miljuni kbar biex tinżamm din l-istabbilità. Għalhekk importanti ħafna li l-ekonomija tibqa’ tikber. Il-pajjiż se jkun kapaċi jżomm dawn id-deċiżjonijiet sakemm id-dħul tal-gvern jibqa’ għaddej b’rata għolja biżżejed biex ma jeskalax id-dejn. “Dan jorbot mal-punt li għamilt aktar qabel li iktar kemm ikun hemm investiment fl-ekonomija, aktar ir-rota se ddur u jiżdied id-dħul tal-pajjiż. Dan huwa l-proċess li għandha ninċentivaw forsi aktar minn qatt qabel sabiex nipproteġu mhux biss lin-nies imma wkoll is-sostenibbilità ta’ dawn id-deċiżjonijiet”, żied jgħid Ellul.

“Iż-żieda fil-COLA hija biss kumpens lill-ħaddiema u lill-pensjonanti għal dak li diġà ħallsu”

Staqsejnih ukoll rigward il-COLA fejn ħafna huma dawk li jinsabu mħassbin dwar il-fatt li żieda sostanzjali bħalma hija dik ta’ €10 fil-ġimgħa, li għalkemm għadha mhix konfermata, tista’ twassal biex iċ-ċittadin minflok isib spalla, jispiċċa iżjed mgħaffeġ. Dan minħabba l-fatt li b’tali żieda, min iħaddem se jilqa’ għal dawn l-“ispejjeż addizzjonali” billi jżid il-prezzijiet tal-affarijiet li jipproduċi u li b’hekk se jkun iċ-ċittadin stess li se jkun qiegħed jagħmel tajjeb għal din iż-żieda. 

Dwar il-kumpens għall-għoli tal-ħajja l-analista finanzjarju qalilna li tajjeb li napprezzaw li ż-żieda fil-COLA li se titħabbar fil-budget li jmiss se tibda titħallas f’Jannar li ġej. Dan filwaqt li l-ħaddiema diġà ħallsu dan il-prezz f’termini ta’ għoli tal-ħajja matul dawn l-aħħar xhur. Qalilna li dak li jkun irid japprezza li ‘ż-żieda” tal-COLA hija biss kumpens lill-ħaddiema u lill-pensjonanti għal dak li huma jkunu diġà ħallsu. 

Sostna li ż-żieda fil-COLA ila mistennija u għaldaqstant kull min qiegħed joħrog invoices bħalissa qiegħed jieħu din iż-żieda fil-konsiderazzjoni diġà. Dan allura huwa argument għalfejn iż-żieda għandha tingħata kollha kif miftiehem u mhux bil-kontra. 

“Jinkwetani aktar il-fatt li għall-ħaddiema fuq pagi baxxi, u l-pensjonanti, l-effett tal-għoli tal-ħajja huwa effettivament ħafna aktar mill-€10 fil-ġimgħa li bih mistenni tiżdied il-COLA. Dan ghaliex ghal dawn in-nies il-prezz tax-xirja żdied b’rata aktar għolja minħabba li huma aktar esposti għal prezz tal-ikel li waħdu żdied bi 11 fil-mija. Ghalhekk huwa importanti li apparti l-COLA għal dawn l-individwi jidħol fis-seħħ mekkaniżmu addizzjonali li jagħti żieda aktar għolja għall-ħaddiema fuq dħul baxx u pensjonati”, temm jappella Ellul.

Ekonomija

Sport