Sunday, December 22, 2024

“Għall-PN it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet ifisser li jdaħħluhom fil-logħba partiġġjana” – il-PM

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li għall-Partit Nazzjonalista t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet ifisser li jdaħħluhom fil-logħba partiġġjana u jużaw l-istituzzjonijiet għal-logħba partiġġjana tagħhom. 

Mistoqsi dalgħodu mill-ġurnalisti jekk kienx jaf minn qabel li se ssir tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru Dr Joseph Muscat, il-Prim Ministru qal li jkun aħjar li kieku din il-mistoqsija jweġibha id-Deputat Parlamentari Jason Azzopardi: “Illum nifhmu ċar dak li kiteb pubblikament nhar il-Ħadd Jason Azzopardi fejn ma ddejjaq xejn juri li kien jaf b’dak li kien se jseħħ. M’għandu l-ebda kariga kostituzzjonali li tippermettilu li jkun jaf imma ma ddejjaq xejn li fuq il-midja soċjali jikteb u lbieraħ fhimnih tajjeb dak li ried jgħid.”

Żied jgħid: “Imbagħad jekk se temmen lill-Kap tal-Oppożizzjoni f’dak li qal ilbieraħ li jien instigajt tfittxxija fid-dar ta’ Dr Joseph Muscat biex numiljah, imbagħad dik hija kwistjoni oħra… Għalhekk lill-Kap tal-Oppożizzjoni ma jemmnu ħadd.”

Huwa tenna l-fiduċja tiegħu fl-istituzzjonijiet u qal li meta wieħed jitkellem dwar dawn mhux qed jitkellmu dwar il-Maġistratura Inkwerenti biss imma fuq l-istituzzjonijiet b’mod ġenerali fejn fost l-oħrajn qed nitkellmu dwar l-FIAU, dwar il-Pulizija u l-Armata.

“Għalhekk l-importanza li fil-ħidma tagħhom l-istituzzjonijiet tagħna jħarsu lejn prinċipju ewlieni – ir-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja u li ma jħallu lil ħadd jużahom għall-ebda għan ieħor,” qal Abela.

Huwa żied jgħid: “Ir-reazzjonijiet li kien hemm ilbieraħ minn diversi kwartieri assoċjati mal-Partit Nazzjonalista, u mill-Kap tal-PN innifsu, juri b’mod mill-iktar ċar illi għall-PN it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet ifisser li jdaħħluhom fil-logħba partiġġjana u jużaw l-istituzzjonijiet għal-logħba partiġġjana tagħhom.”

Huwa wkoll saħaq li Dr Joseph Muscat għandu d-dritt li jitkellem ma’ kulħadd u jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu bħal kull ċittadin ieħor f’dan il-pajjiż.

Ekonomija

Sport