Għalliem tal-arti ġie kkundannat 9 snin ħabs wara li nstab ħati li wettaq aġir indiċenti fil-preżenza ta’ ħamest itfal.
Carmel Agius, ta’ 57 sena, li kien jagħti lezzjonijiet tal-arti fl-Agius Art School kien ġie mixli li bejn l-2019 u l-2020 wettaq atti sesswali fuq studenti bniet li kellhom bejn 10 u 12-il sena.
Fil-Qorti ntqal li dawn l-atti sesswali seħħew waqt lezzjonijiet tal-arti li hu kien jagħti minn garaxx fil-Fgura liema garaxx jinsab taħt ir-residenza tiegħu.
Kien fl-2020 meta l-Pulizija bdiet tinvestiga dan il-każ wara li waħda mill-istudenti kienet tkellmet mal-ġentirui tagħha dwar dak li kien qiegħed iseħħ.
Psikologi u psikjatri li tkellmu mal-istudenti kkonkludew li x-xhieda tagħhom kienet konsistenti u kredibbli. L-istudenti qalu li kien imisshom b’mod indiċenti waqt il-ħin tal-lezzjonijiet.
Tifla minnhom kienet qalet li l-għalliem kien idaħħal idejh minn taħt il-medja fil-qalziet tagħha u kien joqgħod imissilha l-parti privata tagħha. Oħra qalet li kien imissha fuq kuxxtejha u anke jilgħaq xufftejh waqt li jħares lejha. Tifla oħra xehdet li kultant kien jistaqsiha biex toqgħod bilqiegħda fuq kuxxtejh u anke jmissilha kuxtejha.
Tifla oħra kienet qalet li anke ġieli kien jgħafsilha żaqqu ma’ żaqqha mal-mejda.
F’dawn il-proċeduri xehdu wkoll il-ġenituri tat-tfal dwar dak li kienu qalulhom uliedhom.
L-imputat għażel li jixhed f’dawn il-proċeduri u ċaħda li dak kollu li kienu qegħdin jallegaw it-tfal.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fis-sentenza tagħha qalet li kienet qiegħda temmen il-verżjoni tal-istudenti. Iddeskriviet il-verżjoni tal-akkużat bħala waħda inveritiera u rrimarkat li wara dak li seħħ l-istudenti saru anzjużi.
Qalet li tinsab perplessa għala l-Avukat Ġenerali ma nkludiex l-addebitu tar-reat kontinwat la r-reati seħħew fuq perjodu ta’ żmien.
Il-Maġistrat fis-sentenza qalet ukoll li kienet perplessa għaliex l-Avukat Ġenerali ma nkludix ir-reat ta’ pussess ta’ data li tinkludi ritratt ta’ pornografija ta’ minuri. Żiedet tgħid ukoll li ma ġiet prodotta l-ebda prova li turi li l-imputat huwa uffiċjali pubbliku.
Il-Qorti ddeskrivit dawn l-akkużi bħala serjissimi u għandu jkun hemm kundanna mingħajr riżerva. Żiedet li minflok wera rimors ipprova jitfa’ t-tort fuq il-minuri jew il-familjari tagħhom.
Kien għalhekk li kkundannatu 9 snin ħabs.
Ħarġet ukoll ordni ta’ trattament għal 5 snin u ordnat biex ma jkollu ebda kuntatt mat-tfal.
Ordnat ukoll li ismu jitniżżel fir-reġistru ta’ dawk ħatja ta’ reati fil-konfront tat-tfal.

