Għadd ta’ għalliema involuti fit-tagħlim tal-Malti, tal-Ingliż u tal-Matematika fil-livell terzjarju esprimew it-tħassib tagħhom għall-iżvilupp riċenti fejn l-istudenti se jkunu jistgħu jibdew kors fil-Junior College anki jekk ikunu għaddew biss minn wieħed minn dawn it-tliet suġġetti fil-livell ordinarju.
Dawn ir-regolamenti l-ġodda se jidħlu fis-seħħ mis-sena skolastika li tibda minn Ottubru li ġej.
Dawn l-għalliema sostnew li għarfien bażiku taż-żewġ lingwi uffiċjali u ħila bażika fil-Matematika huma essezjali biex l-istudenti jsegwu b’suċċess l-istudju post-sekondarju u terzjarju. Skont l-istess għalliema, il-bidliet li jsiru m’għandhomx idgħajfu l-importanza ta’ dawn il-ħiliet.
Stqarrew ukoll li filwaqt li jgħarfu l-ħtieġa li l-Junior College u l-Universita jagħtu l-għajnuna kollha lill-istudenti li jkollhom diffikultajiet fit-tagħlim tal-lingwi u l-matematika u kull suġġett ieħor, deċiżjoni importanti bħal din se jkollha effetti serji fuq l-għarfien tal-lingwi uffiċjali ta’ pajjiżna u tal-matematika u għandha tittieħed wara konsultazzjoni wiesgħa ma l-esperti f’dawn l-oqsma.