Għalliema ġiet ipprojbita milli tgħallem u ntbagħtet il-ħabs talli kellha x’taqsam sesswalment ma’ żewġ studenti żgħażagħ, inkluż wieħed li welldet it-tarbija tiegħu. Rebecca Joynes, ta’ 31 sena, qed tiskonta sentenza ta’ sitt snin u nofs ħabs wara li nstabet ħatja ta’ sitt akkużi ta’ attività sesswali maż-żewġ subien.
L-Aġenzija għar-Regolamentazzjoni tat-Tagħlim (TRA) ippubblikat id-deċiżjoni li tipprojbixxi lill-għalliema tal-matematika, Rebecca Joynes, milli terġa’ taħdem fi klassi mat-tfal. Joynes ġiet imkeċċija mill-impjieg għal imġiba ħażina tagħha f’Lulju 2022 wara l-ewwel dehra tagħha fil-Qorti.
Matul il-proċess tagħha fl-2024, il-Qorti ta’ Manchester semgħet kif Joynes, li kellha 28 sena, bdiet tiskambja messaġġi ta’ natura sesswali fuq il-midja soċjali ma’ tifel ta’ 15-il sena.
Fil-Qorti ntqal li hija kienet titbissem u tieħu gost b’kummenti mhux xierqa minflok ma kienet twaqqaf dik l-imġiba. Eventwalment hija rranġat biex tiltaqa’ bil-moħbi mat-tifel ta’ 15-il sena. Dak il-lejl kellhom sess fl-appartament tagħha f’Salford, u l-għada omm it-tifel innutat “love bite” fuq għonq binha. Joynes ġiet effettivament arrestata wara li omm it-tifel intebħet b’dak li seħħ.
Waqt li kienet fuq police bail għall-ewwel sett ta’ reati, Joynes bdiet titkellem ma’ tifel ieħor, li wkoll kellu 15-il sena, minkejja li kienet projbita milli jkollha kuntatt ma’ xi ħadd taħt it-18-il sena.
It-tifel, li minnu Joynes welldet tarbija, kien allega li huwa ġie mġiegħel, ikkontrollat, manipulat, abbużat sesswalment, u abbużat mentalment, u żied jgħid li huwa se jibqa’ għal dejjem marbut ma’ Rebecca Joynes permezz tat-tarbija tagħhom.
It-TRA rrefera għar-rimarki fis-sentenza tal-Qorti fl-4 ta’ Lulju 2024 u rrakkomanda lis-Segretarju tal-Istat għall-Edukazzjoni li Joynes titneħħa mill-impjieg.
Marc Cavey, li jieħu d-deċiżjonijiet f’isem is-Segretarju tal-Istat, ikkonferma d-deċiżjoni u ddeskriva l-imġiba ta’ Joynes bħala fundamentalment inkompatibbli max-xogħol bħala għalliema.




