Thursday, December 26, 2024

Għalliema li rebħet villa ta’ £2 miljuni f’lotterija ngħatat biss £5,000 

… l-organizzaturi qalu li kienu għamlu t-telf mil-lotterija

Aqra wkoll

Għalliema fir-Renju Unit ngħatat ferħa bla temma wara li l-organizzaturi ta’ lotterija kbira bl-isem ta’ ‘Win my Home’ rreġistraw telf minflok qligħ.

Loretta ta’ 35 sena tħabbret bħala r-rebbieħa ta’ proprjetà lussuża f’Nottingham  u f’filmat li xxandar tidher persuna tħabbtilha l-bieb ta’ barra u tilqagħha b’bukkett fjuri filwaqt li tħabbrilha li hi kienet ir-rebbieħa tal-premju, iżda ma kkjarifikatx x’kienet rebħet.

Loretta f’intervista qalet li t-termini u l-kundizzjonijiet kienu jippermettu dan minħabba l-kalkolu li jinħadem fejn jidħol qligħ qabel jinħareġ il-premju, iżda li tirċievi £5,000 minflok dawk il-flus kollha… Żiedet tgħid li bihom lanqas tħallas il-kontijiet tal-elettriku u l-gass. 

Li ġara kien li l-organizzaturi nefqu mal-£200,000 f’riklamar fost spejjeż oħra u ġew f’sitwazzjoni li spiċċaw bit-telf. Agħar minn hekk għal dik li kellha tkun ir-rebbieħa, dik li marret biex tagħtiha l-premju qalitilha li kellha tara l-pożittiv għax tant kienu spiċċaw f’pożizzjoni finanzjarja kritika li kienu huma minn buthom bħala organizzaturi li kienu qegħdin joffrula dik is-somma.

L-għalliema temmet tgħid li mhux talli baqgħet kif kienet, talli ħafna qegħdin jaħsbuha sinjura meta fil-verità ħajjitha ftit li xejn inbidlet bi premju li lanqas għandu x’jaqsam ma’ dak imwiegħed.

Ekonomija

Sport