Ġurnata li kellha tkun ċelebrazzjoni ta’ għeluq is-snin u jum ta’ Ħadd mal-familja, eskalat fi ġlieda ħarxa bejn żewġ familji. Ġurnata ta’ ġabra fuq imwejjed bl-ikel spiċċat fi ġlieda mdemmija b’konsegwenzi irreparabbli. F’ambjent li beda b’daħk, ċajt u kejk tal-“Happy Birthday” u daqq ta’ diski Maltin, ħadd ma bassar li ftit minuti wara, l-istess sala mtliet b’għajjat, demm u paniku. F’sekonda waħda, daqqa ta’ ponn li ngħatat f’din il-ġlieda bidlet il-ħajja ta’ missier għal dejjem.
Il-ġlieda bejn il-familja Mifsud u Caruana rriżultat serja bl-ewwel waħda msakkra f’toilet maħkuma bil-biża’ u l-vittma jokrob bl-uġigħ jgħid il-kliem “mhux qed nara”. Il-Pulizija kienet issejħet tintervjeni fuq il-post u b’kollox kienu marru 12-il uffiċjal fejn irnexxielhom iferrqu familja barra u oħra ġewwa. Wara din il-ġlieda Mifsud kellu jittieħed l-isptar b’ambulanza għall-grieħi gravi li sofra.
Ippresedut mill-Maġistrat Dr. Donatella M. Frendo Dimech, dan il-każ lokali sab lil Caruana ħati li kkawża ġrieħi gravi li wasslu biex Mifsud jitlef kompletament għajn. L-akkużat ġie kkundanat għal seba’ snin ħabs u ġie ordnat ukoll iħallas kumpens ta’ €10,000 lill-vittma. Barra minnhekk, l-istess qorti ħarġet ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-imputat favur il-vittma għal żmien tliet snin.
Żewġ imwejjed, żewġ realtajiet
Mill-provi miġjuba fil-qorti, il-familja Mifsud kienet marret tiekol f’ristorant l-Imġarr nhar is-24 ta’ Marzu 2019. Hawn kienu miġbura fuq mejda missier, omm, żewġt ibniet, l-għarajjes tagħhom u neputijiet żgħar. Fuq mejda viċin tagħhom kien hemm grupp ieħor fosthom l-imputat u l-familjari tiegħu li kienu qegħdin jiċċelebraw għeluq is-snin wieħed minnhom. Fuq din il-mejda kien hemm kant, ċajt u kejk.
Mis-smigħ fil-Qorti ngħad li dakinhar tal-inċident, għall-ewwel kollox kien jidher normali. Saħansitra rriżulta li kien hemm ċertu familjarità bejn iż-żewġ gruppi. Iżda, ġara li f’ħakka t’għajn inbidlet l-atmosfera . Fix-xhieda ngħad kif, “kien hemm ħafna storbju u ħafna kliem baxx, Ma konniex komdi u ddeċidejna li l-main course nieħduh take-away u nitilqu.” Deċiżjoni ċivili u paċifika, jiġifieri dik li jitbiegħdu minflok jikkonfrontaw, mill-failja Mifsud.
Ftit qabel l-inċident il-missier qam iħallas. Wara huwa kien sejjer lejn il-bathroom. Fil-Qorti huwa spjega kif, “u ġejt kważi hdejn il-bieb ta’ barra u għamiltilha sinjal li jiena lest u dort biex immur nagħmel toilet. Sakemm wasalt fejn it-toilet jien bejn il-bieb u jiena sibt lil Caruana, mingħajr ma kellimni xejn u lanqas kellimtu. Lanqas naf leħnu u lanqas naf xejn, lanqas kellimtu fl-ebda ħin u xejjirli daqqa ta’ ponn għal go għajnejja. Jiena żammejt għajnejja”.
Kruċjali l-filmati tas-CCTV
Il-filmati tas-CCTV fuq il-post, li aktar tard ġew ippreżentati l-qorti, kienu kruċjali biex kemm il-Pulizija kif ukoll il-Qorti jaraw x’ġara eżattament dakinhar. Dawn il-filmati wrew lil Mifsud mal-bar waħdu u kalm sakemm kien qiegħed jistenna l-kont. Fil-filmati deher ċar li huwa ma deherx aggressiv u li bla ebda mod ma ried jinvolvi ruħu fi ġlieda li kienet nqalgħet barra.
Mart il-vittma, li wkoll tat ix-xhieda tagħha, qalet li hija kienet rat lill-imputat dieħel minn barra. Spjegat li, “kien dieħel irrabjat qisu… u mill-ewwel mar jagħtih daqqa f’għajnejh. Beda jtirlu d-demm minn għajnejh.” Bint din il-koppja żiedet dettall li qajjem silenzju fl-awla: “bid-daqqa li ħa beda qisu jispara… qisu ilma beda ħiereġ minn għajnejh.”
Kien hemm tfal preżenti. Tfal li raw lill-nannu tagħhom b’demm nieżel minn għajnejh.
“Mhux qed nara”
Fost il-konfużjoni tal-ġlieda, il-vittma beda jgħid kif mhuwiex jara. Kien għalhekk li l-familja tiegħu kienet daħħlitu jiġri fil-bathroom u ssakkret warajh. Il-biża’ ma kienx biss għas-saħħa tiegħu imma kien hemm rabja kbira barra.
Fir-rigward mart il-vittma ddeskriviet “bdejna nisma’ tisbit mal-bieb… jgħajtu ‘oħorġu, oħorġu’. Fil-fatt, il-filmati u x-xhieda juru li anke wara li l-vittma kien maqful ġewwa, l-aggressività kompliet. Saħansitra kien hemm tazzi li ntefgħu fid-direzzjoni tat-toilet u kien hawn li xi ħaddiema tar-ristorant kellhom jintervjenu.
Kellhom ikunu l-pulizija li finalment ħarġu lill-familja minn hemm, b’Mifsud mdawwar bihom biex ma jaqlax aktar.
Ix-xhieda tal-ispeċjalist…: “Din hija għajn mitlufa”
Mix-xhieda tal-kirurgu oftalmiku rriżultat realtà kerha. Fil-qorti l-professjonist tal-għajnejn sostna li, “dan kien każ serju ħafna li kien hemm bżonn ta’ operazzjoni tal-emerġenza fl-għajn… kienet għajn mitlufa”. Elabora kif għajn il-vittma kienet “completely crushed” (kompletament mgħaffġa) u li l-operazzjoni kienet biss biex tinżamm forma ħalli eventwalment titpoġġa għajn prosthetic.
Il-konklużjoni mill-isptar dwar il-kundizzjoni tal-vittma kienet “tilef għajnejh, waħda minnhom, kompletament. Permanenti”. Raġel ta’ 63 sena li ftit xhur qabel kellu vista tajba, spiċċa jgħix b’għajn waħda biss.
Il-filmati bħala prova rrifjutabli
Min-naħa tagħha d-difiża sostniet li l-imputat kien qala’ daqqa barra u li daħal ġewwa wara. Iżda l-filmati juru li l-andament kien differenti. Dawn urew lil Mifsud passiv mentri l-imputat kien dieħel lura fir-ristorant b’pass mgħaġġel u rabja viżibbli. Juru anke l-mument meta l-akkużat resaq lejn il-vittma.
Min-naħa tagħha l-Qorti qalet li mill-provi miġjuba quddiemha, huwa ċar għaliha li Mifsud “ma rajtux jibda l-ebda diżgwid… kien għall-affari tiegħu mal-bar”.
Meta l-imputat ġie muri l-filmat waqt l-interrogatorju, huwa waqaf iwieġeb u għażel is-silenzju.
Il-Qorti: “Kliem ulterjuri huwa superfluwu”
Fis-sentenza tagħha l-Qorti ma ħalliet l-ebda spazju għall-ambigwità. Il-prosekuzzjoni ppruvat il-każ tagħha lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Ma kien hemm ebda provokazzjoni mill-vittma. Ma kien hemm ebda ġlieda bejnu u bejn l-imputat qabel id-daqqa. Għaldaqstant, sabet li l-verżjoni tad-difiża ma treġġix. Kien għal dawn ir-raġuniijet li sabet lil Saviour Caruana ħati ta’ ġrieħi gravi u ta’ ksur tal-paċi pubblika.
€10,000… Imma x’tiswa għajn?
Barra s-sentenza ta’ priġunerija u t-trażżin, il-Qorti ordnat kumpens ta’ €10,000 lill-vittma. Somma li fuq karta tidher sostanzjali iżda quddiem għajn mitlufa għal dejjem, kemm tista’ tassew tikkumpensa?
Kif tikkalkula l-mument meta raġel iħoss li d-dinja quddiemu saret nofs? Kif tkejjel il-biża’ ta’ tifla li tara lill-missierha bid-demm nieżel minn għajnejh? Kif tħallas għal lejl wara lejl ta’ adattament għal realtà ġdida?
Dan il-każ juri kif sekonda ta’ furja tista’ tħalli konsegwenzi permanenti. Minn okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni u Ħadd kwiet, żewġ familji spiċċaw f’awla ta’ qorti. Minn ċajt bejn żewġ imwejjed għal traġedja li ma titħassar qatt. F’sekonda waħda, ħajja nqasmet f’żewġ partijiet: qabel id-daqqa… u wara d-daqqa. U wara d-daqqa, għajn li l-vittma qatt ma jista’ jerġa’ jara minnha.



