Daniele Aquilina ta’ 29 sena residenti Ta’ Xbiex inżamm arrestat fuq akkużi li seraq flus kontanti minn magna tas-sigaretti u li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu li bihom ingħata l-ħelsien mill-arrest ħames darbiet.
Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Fil-Qorti ħareġ li l-Pulizija kienet qiegħda tfittex lill-imputat dwar ksur ta’ diversi kundizzjonijiet minħabba li ma kienx qed jirrapporta fl-għases kif kellu jagħmel.
L-Ispettur Lydon Zammit qal li huwa kien kellmu dwar dan in-nuqqas u min-naħa tiegħu Aquilina nfurmah li kien se jibda jsegwi l-kundizzjonijiet iżda fil-fatt ma kienx segwihom.
Qal li l-Pulizija mbagħad marret fir-residenza tiegħu biex tarrestah u kien infurmat li ftit tal-ħin qabel kien daħal rapport li persuna kienet żgassat magna tas-sigaretti ta’ kjosk f’Ta’ Xbiex. Qal li minn aktar stħarriġ irriżulta li l-imputat kien dak li allegatament wettaq ir-reat.
L-Avukat Difensur informa lill-Qorti li l-klijent tiegħu għandu problema ta’ droga u biex ikun jista’ jegħleb din il-problema jrid jagħmel programm residenzjali. “Għandu bżonn il-kura,” sostna l-Avukat.
Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Zammit qal li l-problema ta’ Aqulina hi dik li malli jingħata l-ħelsien mill-arrest, tlitt ijiem wara jerġa’ jaqa’ u jikkommetti reat ieħor. “Qed jikser ħames bails. Mhux kapaċi għal barra f’dan l-istadju. Għamel ħmistax barra kważi rekord.”
F’dan l-istadju ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant baqa’ miżmum taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Qorti rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex l-imputat ikun jista’ jingħata l-għajnuna kollha li għandu bżonn biex jegħleb il-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Colin Sheldon. L-Avukat David Gatt deher għal Aquilina.