Thursday, April 25, 2024

Għamilha ta’ qassis u ffroda anzjan €3,000

Aqra wkoll

Raġel li għamilha ta’ qassis biex jiġbor il-flus għall-karità ammetta li ffroda anzjan ta’ 90 sena s-somma ta’ madwar €3,000.

Dillon Kenneth Junior Bartolo ta’ 28 sena minn Bormla nżamm taħt arrest preventiv sakemm jingħata s-sentenza. 

L-Ispettur Clayton Camilleri, li mexxa l-Prosekuzzjoni f’dan il-każ, spjega kif ix-xahar li għadda Bartolo kien mar iħabbat il-bieb tal-anzjan, u introduċa lilu nnifsu miegħu bħala “Dun Ġwakkin” u li kien qiegħed “jiġbor il-flus għall-karità.” Huwa mbagħad kien jiltaqa’ ta’ sikwit miegħu.

It-Tnejn li għadda, il-Pulizija kienu marru biex jarrestaw lill-imputat, meta hu u l-vittma kienu ħdejn ATM, fejn il-vittma kien qiegħed jiġbed il-flus. 

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, l-imputat bid-dmugħ f’għajnejh wieġeb ħati tal-akkużi li nġiebu kontra tiegħu.

Fis-sottoomissjonijiet tagħha dwar il-piena, l-Avukat Marouska Debono, li dehret għal Bartolo, argumentat li meta nġibdu l-flus mill-kont tal-vittma, Bartolo kien jagħtih ftit minnhom u jżomm ftit għalih innifsu. Qalet li l-ammont miġbud kien ta’ madwar €3,000. Intqal ukoll illi l-imputat kien kważi tilef driegħu f’inċident fuq il-post tax-xogħol u li kien fuq il-methadone.

Il-Maġistrat Rachel Montebello mistennija tagħti s-sentenza fil-konfront ta’ Bartolo llum. 

Sport