Rebekah Borg ivvutat darbtejn favur il-ħruġ ta’ sejħa ta’ art fil-Mellieħa biex tingħata lil żviluppatur
Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg kienet ivvutat darbtejn favur is-sejħa li kien ħareġ il-Gvern biex art tiegħu fil-Mellieħa tinbiegħ lil żviluppatur biex il-pajjiż jieħu xi ħaġa minnha lura.
L-art inkwistjoni ilha skedata għall-bini qabel il-bidla fil-pjanijiet lokali tal-2006. Jiġifieri mill-inqas din l-art ilha kważi mal-20 sena li kienet skedata għall-bini. Fuq din l-art, il-Partit Nazzjonalista għamel kampanja qalila biex din ma tinbigħx u jsir spazju pubbliku, bl-istess Partit Nazzjonalista kien attakka l-Gvern u għamel punti politiċi fl-eqqel tal-kampanja elettorali għall-Kunsill Lokali tas-sena l-oħra.
Iżda issa ħareġ li fil-fatt id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg, li titkellem ħafna fuq temi ambjentali u ta’ żvilupp, ivvutat favur il-ħruġ tas-sejħa. Dan il-vot favur għamlitu bħala r-rappreżentanta tal-Oppożizzjoni fuq il-bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet. Hija vvutat favur il-kundizzjonijiet u l-valur li bihom għandha toħroġ l-art inkwistjoni għall-bejgħ.
Dan il-fatt li Borg ivvutat favur ħareġ fir-rapport ippubblikat mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika f’deċiżjoni li fiha ċaħad ilment tal-eks President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina fuq il-Ministru Silvio Schembri. Il-Ministru Schembri kien għamel żmien politikament responsabbli mill-artijiet.
Aquilina ilmenta li skontu hu, il-Ministru Schembri kellu benefiċċji minn negozjanti u kuntratturi iżda l-Kummissarju ċaħad l-ilment. Fatt notevoli fl-għoti tad-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kien li d-Deputat Nazzjonalista fil-fatt ivvutat favur il-ħruġ ta’ sejħa biex din l-art, li l-Partit Nazzjonalista mbagħad ħareġ jattakka l-bejgħ tagħha, fil-fatt tinbigħ.
F’punt numru 12 tar-rapport ippubblikat lejliet Santa Marija, jingħad li l-Ministru fakkar kif l-art tal-Mellieħa ngħatat għal bejgħ b’deċiżjoni tal-bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet, li huwa awtonomu mill-Gvern. Il-Ministru Schembri saħaq mal-Kummissarju, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, li fil-bord hemm rappreżentanti kemm tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni u li fil-fatt Rebekah Borg, ir-rappreżentanta tal-Oppożizzjoni vvutat favur f’żewġ okkażjonijiet fuq il-bejgħ tal-art tal-Mellieħa. L-art tal-Mellieħa nbiegħet lil T&S Property Holdings.