“Jien mhux il-ġenitur tiegħek u ma nistax nipprova nkun wieħed. Ma naf xejn x’qed jiġri f’ħajtek u ma nistax nibdilha, imma nista’ ngħidlek li ddeċidejt li nagħtik il-ħelsien mill-arrest. Issa jiddependi minnek. Ħafna affarijiet li kont tista’ tagħmel qabel, ma tistax tagħmilhom aktar. Se tqatta’ ħafna ħin id-dar. Għandek ħajtek kollha quddiemek u ċ-ċans li taqbad il-kotba u ssir aħjar minn kulħadd f’din il-Qorti. Imma jekk tkompli fuq din it-triq, hemm post wieħed biss għalik”
Dan iddikjarah il-Maġistrat Joseph Gatt fil-Qorti hekk kif kien qed jipprosedi każ fejn fih tfajla ta’ 15-il sena u żagħżugħ ta’ 24 sena kienu mixlija b’serq ta’ passaport u erba’ arloġġi mid-dar ta’ missier it-tfajla fis-Siġġiewi.
Fil-Qorti ingħad li huma ġew arrestati l-Ħamis. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispeturi Jeffrey Scicluna Briffa, Karen Cassar u Christian Xuereb spjegat li ż-żagħżguħ kien mixli li fil-jiem li għaddew seraq scooter mill-Imsida, li għamel ħsara fuqu u li kellu oġġetti misruqa.
L-Ispetturi spjegaw kif huwa wkoll kien mixli b’rabta ma’ serqa ta’ passaport u erba’ arloġġi minn dar fis-Siġġiewi, kif ukoll b’serqa ta’ mutur ieħor u żewġ elmi mill-Imsida, liema serqa seħħet ukoll f’Ottubru ta’ din is-sena.
Iż-żagħżugħ kien akkużat ukoll li saq mingħajr jew assikurazzjoni, li kiser tliet kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja u li kiser il-kundizzjonijiet tas- sentenza sospiża, li kienet mogħtija lilu mill-Qorti. Quddiem il-Maġistrat Gatt l-imputat wieġeb li mhuwiex ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti, it-tfajla ta’ 15-il sena li isimha ma’ jistax jixxandar minħabba li hi minorenni, kienet akkużata bis-serqa tal-passaport u tal-arloġġi mid-dar ta’ missierha, kif ukoll b’rabta ma’ hit and run fis-Siġġiewi. Ma’ dan ġiet mixlija li saqet mingħajr liċenzja jew assikurazzjoni. Hija wkoll ċaħdet l-akkużi.
Id-Difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest għaż-żewġ akkużati, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li għad fadal xi xhieda u għax kien diffiċli biex il-pulizija sabet it-tifla.
Il-Maġistat Joseph Gatt ċaħad it-talba tal-ħelsien mill-arrest taż-żagħżugħ u ordna li jibqa’ miżmum taħt arrest, b’rakkomandazzjoni li jinżamm fiċ-Ċentru ta’ Servizzi Restorattivi Residenzjali (CoRRS).
Dwar it-tfajla ta’ 15-il sena, il-Maġistrat ta l-ħelsien mill-arrest lit-tifla fuq depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €4,000. Hija ġiet ordnata tiffirma l-għassa tal-pulizija kuljum, u ġie impost fuqha ħin xħin tidħol id-dar.
L-avukati Nicholas Mifsud u José Herrera dehru għal Leyton Rachid, filwaqt li l-avukat Shaun Zammit deher għat-tfajla.

