Monday, March 3, 2025

Għandek problema bi prodott mixtri second-hand? Dawn huma d-drittijiet u r-responsabiltajiet tiegħek

Aqra wkoll

Jekk xtrajt oġġett użat u qed tiffaċċja problema, jista’ jkun li għandek dritt għal rimedju mingħajr ħlas. Madankollu, d-drittijiet tiegħek jiddependu fuq jekk l-oġġett xtrajtux mingħand individwu jew bejjiegħ professjonali.

Meta tixtri oġġetti użati mingħand ħanut jew bejjiegħ professjonali, id-drittijiet tiegħek bħala konsumatur huma simili għal dawk meta tixtri oġġetti ġodda. Il-liġi tal-konsumatur tirrikjedi li oġġetti mibjugħa lill-konsumaturi minn kummerċjanti għandhom jaqblu mad-deskrizzjoni pprovduta waqt ix-xiri, ikunu adattati għall-iskop maħsub tagħhom, u ikollhom il-kwalitajiet u karatteristiċi mistennija, inkluż f’termini ta’ durabbiltà, funzjonalità, kompatibilità u sigurtà normali għal oġġetti tal-istess tip.  

Jekk dawn il-kriterji ma jiġux rispettati, bħala konsumatur għandek id-dritt legali li titlob rimedju mingħand il-bejjiegħ, bħat-tiswija jew il-bdil tal-prodott mingħajr ħlas. F’sitwazzjoni fejn dawn is-soluzzjonijiet ma jkunux possibbli, jew biex jiġu pprovduti jkunu ser jikkawżaw inkonvenjent sinifikanti, minflok tista’ titlob rifużjoni parzjali jew sħiħa tal-flus, skont in-natura tad-difett. Madankollu, rifużjoni totali tal-flus ma tistax tintalab f’każ ta’ difetti żgħar li ma jaffettwawx il-funzjonalità tal-prodott.

Din il-protezzjoni legali tibqa’ valida għal sentejn mid-data tal-kunsinna. Jekk jinqala’ difett matul dan il-perjodu, tista’ titlob wieħed mir-rimedji legali mingħand il-bejjiegħ. Madankollu, għandek tiftakar li oġġetti użati jista’ jkollhom sinjali ta’ użu, bħal ma huma xi grif jew daqqiet, u din it-tip ta’ ħsara m’hijiex koperta taħt il-liġi tal-konsumatur. Għalhekk, huwa rakkomandabbli li tispezzjona l-oġġetti bir-reqqa qabel tixtri u, jekk hemm bżonn, titlob lill-bejjiegħ informazzjoni dwar kwalunkwe difetti jew ħsarat fl-oġġett. Jekk il-prezz tal-prodott jidher baxx ħafna mingħajr raġuni apparenti, staqsi lill-bejjiegħ għaliex. 

Meta tixtri oġġetti użati online mingħand bejjiegħ, bħala konsumatur tibbenefika minn protezzjoni addizzjonali, inkluż perjodu ta’ kanċellazzjoni ta’ 14-il ġurnata li jippermettielek tirritorna l-oġġett għal kwalunkwe raġuni. La darba tikkanċella x-xiri, għandek tirċievi flusek lura fi żmien 14-il jum. Madankollu, peress li meta tixtri online ma tiltaqax mal-bejjiegħ personalment, huwa importanti li tfittex reviews ta’ konsumaturi oħra  biex tassigura li l-bejjiegħ mingħand min ser tixtri huwa affidabbli. 

Xiri mingħand individwi mhuwiex regolat mill-liġi tal-konsumatur. Dan ifisser li jekk l-oġġett mixtri jirriżulta difettuż, ma tistax titlob rimedju legali bħal tiswija jew bdil mingħand il-bejjiegħ. Minflok, id-drittijiet tiegħek joħorġu mill-Kodiċi Ċivili, u jista’ jkun ikollok tqabbad avukat jekk ma tasalx għal ftehim mal-bejjiegħ. Għalhekk, għandek toqgħod aktar attent meta tixtri mingħand individwu. Biex tnaqqas ir-riskji, huwa rakkomandabbli li tiżgura li għandek id-dettalji ta’ kuntatt tal-bejjiegħ, bħall-isem, in-numru tat-telefown u l-indirizz postali. Importanti wkoll li żżomm rekord tal-komunikazzjoni kollha bħala evidenza tal-ftehim tal-bejgħ u li jkollok prova tal-ħlas. Għandek dejjem tevita ħlasijiet bil-quddiem u uża metodi ta’ ħlas siguri li joffru protezzjoni. 

Il-pjattaformi ta’ xiri online huma legalment obbligati li jinfurmawk jekk il-bejjiegħ huwiex negozjant jew individwu. F’każ li l-bejjiegħ ikun individwu, qabel tikkonkludi x-xiri, għandek tiġi nfurmat li l-liġi tal-konsumatur ma tapplikax għat-tranżazzjoni li ser tagħmel. Għaldaqstant, huwa importanti li taqra sew l-informazzjoni pprovduta mill-pjattaforma jekk tixtieq li x-xiri tiegħek ikun protett taħt ir-regolamenti tal-konsumatur. 

Jekk bejjiegħ privat jistqarr li l-prodott li qed ibiegħ għadu kopert minn garanzija kummerċjali, huwa essenzjali li tiċċekkja sew it-termini u l-kundizzjonijiet tal-garanzija u tiżgura li l-garanzija hija trasferibbli. Barra minn hekk, għandek titlob kopja tad-dokument tal-garanzija u l-irċevuta oriġinali, peress li dawn jistgħu jkunu meħtieġa fil-futur jekk ikollok bżonn tagħmel talba taħt il-garanzija. 

Fir-rigward ta’ oġġetti użati ta’ valur għoli, bħal karozza jew tagħmir elettroniku, huwa rakkomandabbli li l-prodott jiġi spezzjonat minn espert indipendenti u ta’ fiduċja qabel ix-xiri. Barra  minn hekk, kun żgur li għandek evidenza ta’ kwalunkwe ftehim speċifiku u żomm kopja tad-dokumentazzjoni kollha relatata max-xiri. 

Jekk tiltaqa’ ma problemi bi prodotti użati, ibda billi tipprova ssolvi l-kwistjoni direttament mal-bejjiegħ. F’każ li ma tasalx għal soluzzjoni amikevoli, u l-oġġett inxtara mingħand negozjant, tista’ teskala l-ilment tiegħek mal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA. Madankollu, jekk il-prodott inxtara mingħand bejjiegħ privat, ikollok bżonn tfittex parir legali indipendenti biex tikseb l-għajnuna meħtieġa. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport