Thursday, March 5, 2026

Għandha tirrenja dejjem id-diplomazija- l-MEP Daniel Attard fuq BBC News

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Malti Daniel Attard, li huwa wkoll il-Viċi President tad-Delegazzjoni Ewropea għall-Iran, għandu rwol kruċjali immens fil-Parlament Ewropew fir-rigward ta’ dak li d-dinja bħalissa għaddejja minnu. Tant hu hekk li t-Tlieta filgħaxija, Attard ġie intervistat minn BBC News biex f’isem il-Parlament Ewropew jiddiskuti din is-sitwazzjoni.

Il-ġurnalista Annita McVeigh għall-BBC bdiet billi staqsiet lil Attard dwar ir-reazzjoni tiegħu għall-kummenti li l-President Donald Trump għamel fuq ir-Renju Unit u Spanja u b’mod speċifiku fuq ir-Renju Unit u l-Prim Ministru Keir Stramer, meta Trump qal li aħna mhux qed nikkonfrontaw lil Churchill.

Attard wieġeb li r-referenza għal Winston Churchill tfakkarna fuq l-importanza tal-multilateraliżmu u l-ordni internazzjonali li tant kienu meħtieġa wara t-tieni gwerra. Tenna li jippreferi jiffoka fuq dan u mhux kummenti li saru fuq individwi speċifiċi. Attard qal li l-Istati Uniti, l-Ewropa u r-Renju Unit għandhom storja ta’ deċennji ta’ sħubiji strateġiċi u għalhekk dawn jaqsmu valuri fundamentali flimkien. Hu qal li fid-dawl ta’ dan jinsab ċert u jemmen li r-relazzjoni transatlantika kapaċi tegħleb kull kriżi għaliex hija iżjed b’saħħitha minn mument wieħed ta’ kriżi.

Fir-rigward ta’ dak li qed isir mill-Amerika u minn Israel, Attard tenna li hemm ħafna domandi legali serji iżda wieħed irid iżomm f’moħħu li r-Reġim Iranjan ilu deċennji sħaħ jiddistabbilixxi r-reġjun, jinforza l-milizzja u joħloq repressjoni fost il-poplu tiegħu stess. Ir-reġim Iranjan għalhekk huwa primarjament responsabbli għal dan il-kunflitt. Is-sovranità m’għandha qatt tintuża bħalha tarka minn reġim li qatel u tefa’ l-ħabs lin-nies tiegħu stess biex jibqa’ fil-poter.

McVeigh għamlet ukoll referenza għad-dikjrazzjoni ta’ Trump fejn qal li issa tard wisq għall-Iran biex tidħol f’diskussjonijiet. Staqsiet lil Attard jekk jaħsibx jekk huwiex veru tard għal tali diskussjonijiet.

L-Ewroparlamentari Malti wieġeb li jippreferi 10 snin ta’ diplomazija milli jum wieħed ta’ gwerra. Bħala Ewroparlamentari hu se jibqa’ jsejjaħ għad-diplomazija u jemmen li hemm għandha tmexxi l-Ewropa. L-Ewropa għandha fuq kollox tipproteġi liċ-ċittadini tagħha u tieħu wkoll ir-riedni biex tmexxi taħditiet li finalment iwasslu għad-deeskalazzjoni. Attard qal ukoll li bħala Ewropa rridu mmexxu biex inwittu t-triq lura għad-diplomazija għaliex dejjem teżisti alternattiva. Bħala Parlament ilna snin nitkellmu dwar dawn l-alternattivi. Tlabna biex jiġu imposti sanzjonijiet aktar ħorox fuq ir-reġim u dawn is-sanzjonijiet bdew jaħdmu u saħansitra anki l-Kunsill Ewropew beda jallinja mal-pożizzjoni tagħna. Id-diplomazija għandha dejjem tirrenja, kompla jgħid Attard.

McVeigh tenniet li kien hemm diversi drabi fejn l-Ewropa u l-Istati Uniti sabuha diffiċli biex jiddiskutu d-diplomazija. Semmiet l-eżempji riċenti ta’ Greenland u l-Ukrajna u staqsiet lil Attard jekk jaħsibx jekk l-Istati Uniti u Israel ikunux kapaċi jaċċettaw it-tmexxija mill-Ewropa għat-triq lejn id-diplomazija.

Daniel Attard wieġeb li l-Ewropa żgur m’għandhiex tkun spettatur. Jeħtieġ li nikkonvinċu lill-Istati Uniti billi nibqgħu nżommu ma’ dak li nemmnu u mal-valuri tagħna, billi nkunu konsistenti u billi nibnu awtonomija stateġika. Li nkunu strateġikament awtonomi ma jfissirx però li qed nibnu xi animożità lejn l-Istati Uniti u għalhekk sħubija strateġika ma tfissirx dipendenza strateġika, temm jgħid l-Ewroparlamentari Malti Daniel Attard.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport