It-traffikar uman kien minn dejjen theddida għall-umanità. F’dawn l-aħħar snin kompla jkun ta’ theddida mhux biss għal xi ftit pajjiżi imma issa sar fenomenu mmexxi mill-kriminalità organizzata. Kull sena, aktar u aktar vittmi – irġiel, nisa u anki tfal, qed jiġu traffikati, f’distanzi akbar, għal perjodi itwal ta’ żmien u għal profitt akbar. Mill-2020 sal-2023, jirriżulta li kien hemm aktar minn 200,000 vittma globalment, għalkemm l-għadd attwali ta’ każijiet mhux irrapportati huwa maħsub li hu sinifikament akbar.
Proprju għada, it-30 ta’ Lulju, in-Nazzjonijiet Uniti se tfakkar il-Jum Dinji kontra t-Traffikar ta’ Persuni, bl-enfasi tal-kampanja ta’ din is-sena jkun fuq ir-rwol importanti tal-infurzar tal-liġi u s-sistema tal-ġustizzja kriminali fiż-żarmar ta’ networks ta’ traffikar organizzat filwaqt li jkun żgurat approċċ aktar iffokat fuq il-vittmi.
Pajjiżna, aktarx minħabba ċ-ċokon tiegħu, ma tantx għandu esperjenza ta’ traffikar tal-bniedem, għalkemm hawn barranin li għadhom sfruttati fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Jibqa’ fatt iżda li pajjiżna huwa impenjat li jiġġieled il-fenomenu tat-traffikar tal-bnedmin billi jiġġieled il-kriminalità organizzata. Dwar dan diġà għandna liġijiet f’posthom.
Insemmu wkoll it-tnedija tal-ewwel strateġija nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin li hi msejsa fuq diversi pilastri li jipprovdu għat-tisħiħ tal-ġlieda u l-prevenzjoni ta’ dan ir-reat serju kif ukoll appoġġ għal dawk li jinqabdu bħala vittmi ta’ ċrieki ta’ kriminalità organizzata.
Il-Gvern jibqa’ mpenjat li jkompli jsaħħaħ l-għarfien dwar is-sinjali ta’ twissija tat-traffikar tal-bnedmin u anke billi jtejjeb il-komunikazzjoni fost il-professjonisti. Fl-istess waqt, għandna għax nifhmu li se jissoktaw il-kampanji t’għarfien dwar forom varji ta’ traffikar uman bl-għan aħħari jkun dak li titqajjem kuxjenza akbar fuq dan is-suġġett.
Għaldaqstant, nittamaw li dan il-jum ma jkunx imfakkar għalxejn. Għalhekk nemmnu li l-gvernijiet ċivilizzati li bis-serjetà jirrispettaw id-dinjità umana għandhom ikomplu jħarrxu l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata li qed jagħmlu qligħ ta’ miljuni ta’ flus mit-traffikar tal-bnedmin għal xi skop jew ieħor.