“Qiegħed hawn biex ngħidilkom li ninsab qrib tagħkom. Ninsab hawn biex nara l-uċuħ tagħkom u nistqarr magħkom li inġorrkom dejjem f’qalbi u intkom dejjem preżenti fit-talb tiegħi”. Hekk sellem lil dawk li nġabru biex jilqgħuh fil-Laboratorju tal-Paċi l-Papa Franġisku. Il-Papa fakkar li t-tema taż-żjara tiegħu f’pajjiżna kienet “U ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha”. Tirriferi għall-mod li bih il-Maltin laqgħu lill-Appostlu Pawlu u lil dawk kollha li flimkien miegħu ħelsuha mill-għarqa qrib il-Gżira.
Il-Papa qabbel in-nawgraġju ta’ San Pawl mal-esperjenza ta’ eluf ta’ immigranti li b’xorti ħażina għalihom ħafna minnhom spiċċaw vittmi tal-vjaġġ tagħhom. Huwa waqaf biex ifakkar lil dawn il-vittmi u rrefera għal salvataġġ li seħħ ilbieraħ stess ta’ erbgħa biss minn dawk li kienu fost il-madwar 90 persuna abbord id-dgħajsa. Hawnhekk il-Papa awgura li Malta titratta biex toffri “port sigur” lil dawk li jaslu fi xtutna billi nħarsu lejhom bħala persuni u mhux bħala numri.
Il-Papa qal li jħoss il-weġgħa ta’ dawk li biex jibdew mill-ġdid ikollhom iħallu l-għeruq tagħhom bla ma jafu x’se tkun qiegħda toffrilhom din id-deċiżjoni. Jiddeskrivi dan il-mument bħala tiċrita li ma tfieqx malajr. Kompla biex jgħid li dawn iċ-ċentri tal-akkoljenza tinsab il-kura għal dan it-tiċrit u li persuni jsibu lil min jilqagħhom hija l-unika kura għal dawn in-nies.
Franġisku jkompli li dawk jivjaġġaw lejn ħajja aħjar stajna konna aħna u li hu u jitkellem jista’ jkun hemm persuni li qegħdin jippruvaw jaqsmu lejn ħajja aħjar. Tkellem ukoll dwar l-eluf ta’ persuni li kellhom iħallu l-Ukrajna minħabba l-invażjoni Russa f’pajjiżhom.
Il-Papa Franġisku qal li l-ħolma tiegħu hija li dawn l-immigranti jsiru xhieda u animaturi tal-akkoljenza. Spjega li meta jiġu milqugħin f’postijiet bħalma huwa l-Laboratorju tal-Paċi, l-immigranti jinqalaw mill-għeruq tagħhom, iżda jkunu jistgħu joħorġu l-għana ta’ ġo fihom biex jibnu ħbiberija soċjali biex tkun tista’ tinbena familja umana f’dinja globalizzata.
Il-Papa qal li ma nistgħux naqgħu fin-nasba ta’ frażijiet bħalma huma “m’hemmx x’tagħmel”, “huma problemi ikbar minna” jew li “jien nagħmel fattija u l-oħrajn jaraw huma. Qal li minflok jeħtieġ li nwieġbu għall-isfida tal-immigranti u r-refuġjati b’umanità. “Ejjew insaħħu t-tessut tal-ħbiberija soċjali u l-kultura u noffru tama ġdida lil dawk li huma bżonna”, kompla l-Papa.
Hekk kif ġie biex jixgħel xemgħa quddiem ix-xbieha tal-Madonna, l-Papa qal li dan il-ġest sempliċi għandu tifsira qawwija. Huwa qal li dik il-fjamma hija għalina l-Insara simbolu ta’ tama, l-istess tama li ommna Marija xeħtet f’kull wieħed u waħda minn dawk preżenti biex tat sens lill-vjaġġ tagħhom.