Wednesday, April 24, 2024

“Għandi l-ħsieb li mmur Los Angeles biex inkompli nispeċjalizza fir-rap u l-RnB”

Owen Leuellen

Aqra wkoll

Owen Leuellen hu rapper żagħżugħ mill-Belt Valletta li għandu għal qalbu l-mużika. Illum il-ġurnata m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni partikolarment fil-qasam tal-mużika rap.

Madankollu l-fama tiegħu kibert proprju ftit tas-snin ilu meta ħa sehem fl-X Factor Malta fejn spiċċa fit-tieni post f’dak il-kuntest partikolari. Kellu wkoll sehem f’diversi avveniment kbar fosthom l-Isle of MTV Malta 2019 u Radio Italia 2019 li fihom rawh madwar 50,000 ruħ. Riċentement ħafna jafuh f’The Voice Kids Edition fejn kien parti mill-ġurija li kellu jara l-wirjiet tat-tfal li jitilgħu fuq il-palk. 

Ħafna jqisuh bħala li beda kollox bil-kwiet fejn fih tispikka l-umiltà sakemm litteralment sploda fil-popolarita’ u issa kulħadd jafu fil-qasam tar-rap u l-hip hop.
Dan il-ġurnal tkellem ma’ dan il-kantant iżda wkoll kittieb tal-mużika li għandu 24 sena u li fih tinħass sew l-imħabba lejn dan il-qasam. Hu jitkellem magħna dwar l-imħabba lejn il-mużika, il-familja li tant hi għal qalbu u anke diversi suġġetti oħra.
Staqsejnih kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn ir-rap.

“Kollox beda fil-bidu tas-snin 2000. Meta kelli dawk is-sitt jew seba’ snin niftakar li Eminem kien ferm famuż dak iż-żmien b’siltiet li spiċċaw fil-quċċata tal-klassifiċi tal-mużika fosthom Without Me, Lose Yourself, Sing for the Moment, Not Afraid u Mocking Bird. Kulfejn kont inkun, kont indoqq d-diski tiegħu u dejjem kont inkanta dak li hu b’mod intelliġenti kien jikteb”.

“Eminem għalhekk kien qisu l-ispirazzjoni l-għala bdejt nispeċjalizza fuq ir-rap. Dan wassalni biex nibda nikteb id-diski tiegħi. Għall-bidu ma kinitx xi ħaġa faċli iżda kuntent ngħid li ta’ 14-il sena bdejt nikteb kollox jien u minn hemm ‘l hemm bqajt għaddej bla heda, nikteb u noħroġ is-siltiet tiegħi.”

Iżda Owen kif iħossu li qed jikteb proprju hu l-mużika tiegħu?

“Hi xi ħaġa kruċjali li jien nikteb il-kanzunetti tiegħi għax imbagħad tkun xi ħaġa iktar faċli għalija sabiex nadatta l-istili li nixtieq jien. Dejjem nipprova nwassal il-messaġġ personali tiegħi u permezz tal-kitba, dan kollu jista’ jseħħ”.

Owen Leuellen jgħidilna li jiddedika ħafna ħin jikteb, jesebixxi u jkanta d-diski tiegħu stess filwaqt li ġieli jkollu dwetti ma’ xi kantanti oħra bħalma ġara fl-ewwel single tiegħu bl-isem ta’ My Time. Hu tkellem magħna dwar din id-diska.

“My Time ridt nagħmilha kemm jista’ jkun kummerċjali u li tkun ukoll aċċessibbli għall-klabbs jew diskoteki Maltin u Għawdxin kif ukoll għar-radju sabiex ikunu jistgħu jdoqquha. Hi diska friska speċjalment għaż-żmien tas-sajf fejn il-ħajja tkun iktar vibranti u fejn ħafna nies jiżfnu għar-ritmu tagħha. Kienet diska li tatna l-ewwel suċċessi tagħna u ninsab kuntent li wasalt għal dan kollu.”

Semmejnielu l-X-Factor, konkors li wkoll tah l-ewwel suċċessi tiegħu. Hu radd ħajr lil kull min emmen fih u li xprunah sabiex baqa’ għaddej għal suċċess wara l-ieħor iżda bħalma qal hu stess, dejjem saqajh mal-art.

Iżda kif jirnexxilu jlaħħaq mal-impenji mużikali tiegħu meta tqis li hu bniedem impenjat?

“Bħalma għedtlek aktar qabel, jien bniedem impenjat ħafna u tista’ tgħid li l-ġimgħa kollha dejjem għaddej. Fil-fatt jien il-mużika hi xogħli. Nipprova nimla’ l-ġimgħa tiegħi u għalkemm forsi hi xi ħaġa diffiċli, nipprova nlaħħaq ma’ kollox. Nemmen li l-aħjar tattika hi dik li torganizza l-ħin tiegħi sewwa. B’xi mod hekk dejjem inlaħħaq”.

X’jaħseb Owen Leuellen dwar ix-xena tal-mużika rap f’pajjiżna?

“Ifhem għandna bżonn aktar spinta f’dan il-ġeneru mużikali, forsi għax għal xi wħud dan l-istil mhux prijorità. Hemm bżonn iktar spinta fir-rap u l-RnB li bħalma nafu hemm ħafna talent fihom. F’Malta fadallu ħafna x’jikber iżda fiduċjuż li nistgħu nkunu aħjar”.

Owen Leuellen qalilna wkoll li: “Fi żmien xahrejn, għandi l-ħsieb li mmur f’Los Angeles u nagħmel hemmhekk madwar tliet xhur u mbagħad nerġa’ nitla’ għal tliet xhur oħra iktar ‘il quddiem. Hemmhekk irrid inkompli nispeċjalizza fuq dan il-qasam. Nemmen li mbagħad nista’ nagħti l-kontribut tiegħi sabiex inżid il-popolarità tar-rap u l-RnB”.

Fl-istess waqt is-sena 2023 se tkun waħda ferm eċċitanti għalih hekk kif se jkun qed joħroġ it-tieni album tiegħu fuq l-istess stil tipiku tiegħu. Owen Leuellen qal li jħossu tajjeb jagħmel dwett ma’ kantanti oħrajn minħabba li jkun qed jesperjenza stili differenti ma’ kantanti differenti.

“Ovvjament meta jkun hemm kimika tajba bejn iż-żewġ kantanti, bla dubju li d-diska partikolari tirnexxi filwaqt li joħroġ prodott tajjeb. Esperjenzajt dwett ma’ diversi kantanti stabbiliti u dejjem ħassejtni komdu nagħmel dan”.

Tkellimna wkoll dwar wieħed mill-aħħar suċċessi li ħareġ Owen Leuellen ma’ Gaia Cauchi bid-diska li jisimha Flavour. Skont dan ir-rapper, Flavour kienet diska ta’ esperimenti kontinwi biż-żewġ kantanti li integraw tajjeb. Anke hawn, Owen Leuellen ħaseb sabiex din id-diska tkun waħda kummerċjali u li tolqot il-gosti ta’ kulħadd.

Ta’ min wieħed isemmi wkoll li fl-aħħar jiem, Leuellen, ħareġ duet ġdid mal-kantant żagħżugħ, Luke Chappell, jisimha Dear God.

Finalment tlabna lil Owen Leuellen sabiex jagħtina l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-mużika rap: “Irid ikollok ħafna persistenza biex tilħaq dak li trid. Qatt taqta’ qalbek u ftakar dejjem minn fejn bdejt mingħajr ma tikbirlek rasek. Dejjem żomm saqajk mal-art, tarax kbir u bil-mod il-mod tkompli tikber!”

Sport