Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?
L-imħabba tiegħi lejn il-futsal inħolqot wara li rajt it-tim tan-neputija tiegħi jipparteċipaw f’tournament żgħir li fih kien hemm erba’ timijiet oħra tal-Futsal femminili jikkompetu. Fih kien hemm erba’ plejers ta’ livell għoli ħafna li minnhom baqa’ – Edera Marmara u n-neputija tiegħi, Shakira Bugeja. Kumbinazzjoni f’dan it-tournament ħadet l-unur tal-‘Aqwa Plejer’ u rbaħna t-tournament.
Li kont bqajt iċċassat huwa li dan it-tim kulma kellna kienu sitt plejers u l-ebda goalkeeper, jiġifieri bdew jitqassmu bejniethom min ħa joqgħod goalkeeper. Sitt logħbiet konsekuttivi rebħ, għajjenin u jagħtu qalbhom, wirjiet tal-blieħ u trid tqis li dawn huma plejers tal-11-a-side u mhux futsal kienu u xorta rbaħnieh kontra timijiet li kellhom diġá esperjenza fil-logħba tal-Futsal.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala president tat-Tim tal-Futbol ta’ Santa Margherita AFC.
Jiena qiegħed president tat-Tim tal-Futbol ta’ Santa Margherita AFC li nirrapreżentaw iż-żona tal-Mosta. Dan għamiltu wara li ġejt ngħix hawn 11-il sena ilu u ħloqt Għaqda Soċjali għaż-żona żgħira u kwieta taghna flimkien ma’ erbat iħbieb oħra miż-żona. Jien kont immexxi t-tim ta’ Santa Lucia Falcons FC qabel imbagħad li biddilt il-lokalitá tiegħi, ħassejt li kelli nagħti xi ħaġa lill-komunitá sabiħa tagħna.
X’tikkummenta fuq il-kowċ Sinclair Galea u l-plejer veterana u kowċ, Maria Coppola?
Il-kowċ Sinclair Galea huwa l-kowċ uffiċjali tat-tim tagħna. Taht idejh għandu l-iskwadra tal-irġiel, kif ukoll l-iskwadra tal-Futsal Femminili.
Li għandi x’nikkummenta fuq Maria Coppola, mhuwa xejn ħlief pożittiv. Plejer li għamlet affarijiet kbar għal isem pajjiżna u magħna, kowċ li għamlet affarijiet pożìttivi għat-tim tagħna sabiex tagħti bidu mill- aqwa lit-tim tagħna ta’ Santa Margherita Women’s Futsal. Fil-bidu tat-tim tal-Futsal, kont qed naqta’ qalbi milli nibdieh dat-tim. Ir-raġuni kienet ħafna u ħafna bsaten fir-roti. Kont għadni ġdid fl-isport femminili u l-affarijiet li kelli ngħaddi minnhom sabiex nara li kull plejer li għandi kienet se tkun mentalment preparata għal din l-avventura l-ġdida tassew ma kinitx faċli.
Jiena naħdem b’mod differenti minn ħaddieħor fil-qasam tal-isport amatorjali, għandi 30 plejer fis-Swan League, 22 tfajla fil-futsal u 15-il plejer ieħor f’Assoċjazzjoni oħra. Kull plejer li għandi, naf il-problemi tagħhom, kull wieħed u waħda minnhom u nipprova ngħinhom fejn nista’. Finanzjarjament ma nistax għax imbagħad ma nistax nitfa’ lili fin-nar, iżda li nkun ta’ spalla għalihom, hija xi ħaga li huma japprezzaw. Maria Coppola kienet il-bniedma li lili għenitni nkompli għaddej biex noħolqu din il-ħolma ta’ dan it-tim!
Kif tqis il-livell tal-futsal tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-Futsal tan-nisa f’pajjiżna huwa wieħed li jien personalment iġġennint fuqu. Kemm nieħu pjaċir li nkun ma’ plejers li jagħtu qalbhom għat-tim. It-tim tal-irġiel tiegħi huwa tim b’saħħtu ħafna għall-grazzja tal-ħanin Alla u għandi bokka bihom iżda t-tfajliet għadhom ġodda f’dan l-isport u l-ħeġġa li jitgħallmu, id-dmugħ li jibku meta jitilfu u l-ferħ li jifirħu meta jirbħu hi xi ħaġa li ma’ timijiet oħrajn qatt ma esperjenzajt.
Jien għandi twemmin li l-Futsal Femminili se jkun wieħed mill-aktar sports segwiti f’pajjiżna maż-żmien. L-attendenza tan-nies hija waħda fenomenali. Sempliċiment logħba bejn timijiet tal-aħħar postijiet ukoll tattiralek nies mhux ħażin. Il-finali meta ntlagħbet San Alwiġi kienet ‘full house’ u l-finali ġewwa De La Salle, ftit kien hemm spazju vojt fejn setgħu ipoġġu n-nies!
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?
Rigward mentalitá tal-isport f’pajjiżna, għadna lura hafna. Presidenti, kowċis ta’ timijiet tat-tfajliet tal-11-a-side, għadhom ma jistgħux jifhmu l-importanza u l-benefiċċju ta’ dan l-isport tal-Futsal. Meta tistaqsi kowċ ta’ tim tal-11-a-side, tgħidlu isma’, jekk għandek xi plejer li mintix qed tagħmel użu minnha, ħalliha tinżel għat-taħriġ magħna sabiex intejbulha t-teknika, hekk jew hekk, flok toqgħod “bench warmer” tkun attiva xorta permezz tal-futsal. Il-maġġoranza tar-risposta tkun “le” għax il-futsal jikkawza ħafna injuries u diversi tipi ta’ skużi li ormaj drajthom issa.
Fit-taħrig tiegħi f’wiehed mill-korsijiet li għamlu l-MFA u li għogobni nattendi għalih kien ġie kowċ, Benny Meurs, li serva bħala kowċ tan-nazzjonal ta’ pajjizu u l-affarijiet li tgħallimna mingħandu, ġiegħluni nirrealizza kemm għadna lura aħna. Fosthom tgħallimna li Robinho, Ronaldinho, Ronaldo Nazario u ħafna oħrajn bdew il-karriera tal-futbol tagħhom mill-Futsal.
It-teknika tagħhom li rajna fil-futbol, ma żviluppatx mill-futbol biss iżda mill-istil ‘Ginga’ tal-futsal. Ta’ tmien snin dawn it-tliet eroj tal-Futbol Mondjali kienu diġá teknikament aħjar minn tliet kwarti taż-żgħar li għandna ġo pajjiżna għax għall-kuntrarju tagħna, barra minn xtutna diġá hija implimentata il-futsal ġon-nurseries. Jgħidulek għax hemm l-injuries, mhux kullumkien tista’ tweġġa’?! Fil-futbol tista’ tweġġa’ daqs tazza ilma wkoll, niġu f’dan!