Fiż-żjara tiegħu fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Għoti tad-Demm ,Talk.mt tkellem ukoll mas-Senior Staff Nurse Caroline Cassar u l-In charge Nurse Alexander Lautier fejn qalulna dwar il-bżonn kontinwu ta’ donazzjonijiet tad-demm. Cassar spjegatilna li t-talbiet għad-demm m’għandhomx staġun partikolari. Appellat lil dawk kollha li bħalissa jinsabu xi ftit iżjed ħfief minħabba ġranet ta’ mistrieħ mix-xogħol minħabba l-festa ta’ Santa Marija biex jieħdu l-opportunità u jgħinu b’għotja ta’ demm li minnha jkunu qegħdin jiġu megħjuna tliet pazjenti.
Rigward il-proċedura, hija spjegatilna li għalkemm fuq il-websajt blood.gov.mt kif ukoll fuq il-paġna ta’ Facebook tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm www.facebook.com/bloodmalta hemm ħafna dettalji, għad hemm persuni li jersqu mbeżżgħin bla bżonn biex jagħtu l-ewwel donazzjoni tagħhom.
“Hawn min jiġi l-ewwel darba jgħidilna li pereżempju qagħad sajjem meta mhux il-każ anzi, tajjeb li dak li jkun jiekol ikel nutrittiv mingħajr żjut u jixrob l-ilma qabel jiġi hawnhekk”, kompliet tgħid Cassar.
Staqsejna rigward in-numru ta’ mistoqsijiet li jiġu mistoqsija d-donaturi qabel jagħtu l-għotja tad-demm li sfortunatament kien hemm żmien fejn kien hemm min ikkritika din il-proċedura. Sostniet li l-leġiżlazzjonijiet użati f’pajjiżna huma l-istess leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-mistoqsijiet huma mistoqsijiet pjuttost mexxejja li jsiru biss bil-għan li jissalvagwardjaw kemm lill-pazjent kif ukoll lid-donatur.
“L-appell tiegħi huwa wieħed sempliċi ħafna, bħalissa għaddejjin ħafna festi. Wara li jgħaddi kollox tkun xi ħaġa sabiħa ħafna li jingħaqdu u jiġu hawnhekk bil-flokkijiet tal-festi rispettivi tagħhom biex jgħinu lil ħaddieħor bħala ringrazzjament li kollox ikun mar b’wiċċ il-ġid”, appellat Cassar.