Hekk kif bħalissa għaddejjin b’serje ta’ intervisti relatati ma’ individwi li ħadu unur waqt is-serata Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2022, illum se nagħtu ħarsa lejn it-tim tas-sena fejn fost ħafna entitajiet u individwi li ġew ippremjati, kien hemm grupp ta’ nies partikolari li ngħataw rikonoxximent.
Fil-fatt, il-Premju Nazzjonali Tim tas-sena ġie mogħti lill-infermieri tas-sala tal-Onkologija 1 f’Sir Anthony Mamo Oncology Hospital.
Fuq il-paġna ta’ Facebook Puttinu Cares, kien hemm ringrazzjament speċjali għal dawn in-nies li jiddedikaw ħajjithom għal min għaddej minn mument diffiċli fil-ġlieda tagħhom kontra l-marda tal-kanċer.
“Prosit ferm lin-nurses tal-isptarijiet kollha li jaħdmu mill-qalb matul is-sena kollha mal-pazjenti specjalment f’dawn il-ġranet ta festi fejn anke fil-Milied n-nurses jibqgħu qrib il-pazjenti li tant għandhom bzonn kura u mħabba. Napprezzaw id-dedikazzjoni tal-professjoni tan-nurses. GRAZZI mill-qalb u kburin bikom”
Messaġġ ferm apprezzat minn dawk kollha li jaħdmu f’dan id-dipartiment tal-Onkoloġija.
talk.mt tkellem ma’ Diane Duca, infermiera f’dan id-dipartiment ferm delikat fl-Isptar Mater Dei.
“Xogħolna hu dak li nikkuraw u nieħdu ħsieb pazjenti li għandhom il-kanċer. Meta huma jkollhom id-djanjożi u jinstabu li għandhom il-kanċer, aħna nkunu hemm magħhom għal kull ma jkollhom bżonn. Hemm minnhom li jiġu u jfiqu kompletament minnu għalkemm sfortunatament hemm oħrajn li ma jagħmluhiex.”
Saqsejna lil Diane Duca jekk kinux qed jistennew dan il-premju tant prestiġġjuż li jingħata kull sena lil xi ħaddiema.
“Ovvjament qatt ma nistennewh iżda meta jasal nkunu verament kburin ta’ dak ix-xogħol li nkunu għamilna. Ġejna innominati minn ħaddieħor u verament qed naraw apprezzament mingħand l-istaff li qed inxerrdu l-pożittivita’ tagħna lil dawk il-pazjenti li jiġu għandna. Miegħi hemm ukoll Bernice Scicluna li flimkien nikkordinaw dan it-tim ta’ infermiera li huma ferm dedikati”
Duca qaltilna li meta persuna tiddeċiedi li tilħaq infermiera, dik tkun vokazzjoni. Madankollu meta persuna taħdem fid-dipartiment tal-Onkoloġija, dik mhux biss hi vokazzjoni iżda wkoll missjoni.
“Aħna bħala infermiera, nagħmlu mixja ma’ dawn il-pazjenti u nkunu sensittivi għal dak li qed iħossu huma. Huma jiġu għandna litteralment mitlufin fejn lanqas ikunu jafu x’se jaqbdu jagħmlu. Madankollu aħna nkunu ta’ komfort għalihom fejn ngħinuhom f’dak li jkunu jeħtieġu. Aħna nassistuhom u huma jħossuna bħala l-pilastri tagħhom.”
“Fuq wara tal-istorja, aħna nkunu dgħajfa speċjalment meta naraw li qed ibatu. Iżda aħna nkunu ferm pożittivi. Għalkemm irrid ngħid li meta huma jibku, aħna nibku magħhom. Meta jidħku, aħna nidħku magħhom. Din hi l-mixja li nagħmlu ma’ dawn il-pazjenti!”
Saqsejna lil Diane Duca kif iħossuhom meta xi wieħed mill-pazjenti li jkun taħt il-kura tagħhom, jitlef ħajtu.
“Inkunu ħażin ħafna meta xi ħadd jitlef ħajtu. Ħafna mill-pazjenti jkunu ilhom magħna, aħna nagħmlu dak kollu possibbli sabiex isalvaw iżda mbagħad nafdak fil-Bambin.”
Duca tiddedika dan l-unur mhux biss għall-membri kollha li jaħdmu fi ħdan id-dipartiment tal-Onkoloġija fi ħdan l-Isptar Mater Dei iżda wkoll għall-familji tal-pazjenti li se jissieltu kontra l-marda tal-kanċer. Dawn ukoll huma eroj għax flimkien magħhom qed jgħinu lil dawk għeżież għalihom.
Iżda x’inhu s-sigriet tal-ambjent pożittiv li fid-dipartiment tal-Onkoloġija?
“Is-sigriet ċertament hi l-għaqda li għandna bejnietna l-infermiera. Ma nistax ngħid li ma nilletikawx xi ftit għalkemm din hi xi ħaġa normali bejn il-kollegi. Ma tistax taqbel dejjem iżda għandna dik il-katina li qed tgħaqqadna u objettiv wieħed, dik li naraw il-pazjenti b’ċertu soljiev.
Aħna nibqgħu magħhom u ngħidulhom li l-ħajja tkompli filwaqt li dejjem nisħqu fuq li jkun hemm dik ix-xaqq ta’ tama, li żgħira kemm tkun żgħira, tagħti skop lil dak li jkun.
Diane Duca u sħabha ħasbu biex għal dawn il-festi tal-Milied bħalma jagħmlu kull sena, jżejnu bl-aħjar mod dan id-dipartiment tal-Onkoloġija u joħolqu ambjent sabiħ tal-Milied.
“Importanti li għal dan iż-żmien inżejnu sabiex inwasslu l-ferħ u l-pożittivita’ li ġġib magħha din il-festa. Apparti minn hekk nilbsu l-barnuża ħamra li hi wieħed mis-simboli tal-Milied.”
“Irrid ngħid li aħna nżejnu d-dipartiment tagħna f’kull festa li jkun hemm bħal Haloween, Karnival u Għid il-Kbir. Dan kollu nagħmluh sabiex xorta noħolqu atmosfera man-nies u l-pazjenti li jiġu jżuruna. Din hi wkoll parti minn ħidma sabiex ikollna aktar pożittivita’.”
Iżda kemm hi importanti t-tama, żgħira kemm hi żgħir għal dawn il-pazjenti u anke għall-familjari tagħhom?
“Importanti ħafna, anzi ngħid li hi kruċjali. Jekk il-bniedem tneħħilu t-tama, x’jifdallu? Aħna ntuhom ħafna kuraġġ bħala infermiera, nagħmlu dak kollu possibbli sabiex inqawwulhom qalbhom għax huma hekk jistħoqqilhom!”
Diane Duca qalet li bħala infermiera jaħdmu b’mod ħolistiku mal-pazjent fejn barra li jindukrawhom u jaraw li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom fejn jistgħu, jaħdmu ħafna fuq il-lat emozzjonali miegħu jew magħha għax il-kuraġġ hu ferm importanti f’dawn iċ-ċirkostanzi.
Finalment Duca xtaqet twassal messaġġ ta’ tama għall-pazjenti iżda mhux biss, anke għall-familjari tagħhom.
“L-ebda marda m’hi sabiħa iżda f’dan ir-rigward jien dejjem intenni li l-pożittività hi ferm importanti. Qatt m’għandna naqtgħu qalbna għax fl-aħħar tal-mina dejjem se jkun hemm dak id-dawl li jgħinna nimxu ġurnata b’ġurnata. Iktar ma tagħmel hekk, iktar se jkollok il-kuraġġ u kollha flimkien ngħinu sabiex il-ġranet ikunu ħafna isbaħ!”