Sunday, June 8, 2025

“Għandna fiduċja assoluta fis-suldati tagħna u nappellaw lill-gvern nikkonkludu n-negozjati għall-ftehim settorjali ġdid” – Theo Vella

Aqra wkoll

B’dispjaċir mhux l-ewwel darba li tara kummenti jew saħansitra artikli fil-mezzi tal-midja fejn jipprovaw jitfgħu dubju fuq l-operat u l-integrità tal-Forzi Armati ta’ Malta. Filwaqt li kull post tax-xogħol jista’ jkun hemm mumenti u ċirkostanzi fejn l-affarijiet setgħu saru aħjar jew saru b’mod differenti, mhux ġust li tipprova ttappan ir-reputazzjoni ta’ Forza sħiħa.

Minn l-aħħar ftehim settorjali ffirmat f’Novembru 2020 sal-lum kelli l-privileġġ niltaqa’ u naqsam diversi ħsibijiet ma’ għexieren ta’ Suldati u t-talent li hemm fil-Forzi Armati huwa wieħed inkreddibbli. Huwa fatt li qabel ġie ffirmat l-ewwel ftehim settorjali l-pakkett finanzjaru tas-suldati kien wieħed miżeru u ngħidha bla tlaqliq, niskanta kif ħaddiema b’tant ħiliet kienu jidħlu jaħdmu fl-Armata b’dawk il-kundizzjonijiet. Qabel daħal id-dritt li l-ħaddiema fil-Korpi Dixxiplinati setgħu jissieħbu fi trejd unjin tal-għażla tagħhom l-unika privileġġ li kellhom dawn il-ħaddiema kien li setgħu joħorġu bil-pensjoni wara ħamsa u għoxrin sena servizz. 

Meta wieħed iqis kemm kienu jitilfu flus tul dawk il-ħamsa u għoxrin sena li jkunu qed iservu meta komparat ma’ ħaddiema oħra li kienu organizzati ġo trejd unjin, wieħed faċli jinnota li l-privileġġ tal-pensjoni ma’ kien privileġġ xejn għax id-dħul finanzjaru kien ferm inferjuri. L-ewwel ftehim settorjali ffirmat fl-2020 kien l-ewwel pass fejn is-suldati tagħna bdew jaraw impatt sostanzjali fid-dħul finanzjarju tagħhom, iżda l-ftehim settorjali li jmiss għandu jkun ta’ livell ferm aktar b’saħħtu.

Il-proposti li ressaqna għall-Armata huma b’saħħithom u wara xhur ta’ negozjati nemmen li qegħdin viċin ħafna li nikkonkludu tali negozjati. Il-koperazzjoni li sibna kienet waħda sodisfaċenti u minkejja li jkun hemm mumenti li jkun hemm nuqqas ta’ qbil dejjem tinstab soluzzjoni għax ikun hemm rieda tajba mill-partijiet kollha. Il-GWU għandha fiduċja assoluta fis-suldati tagħna u nappellaw lill-gvern nikkonkludu n-negozjati għall-ftehim settorjali ġdid. Fiduċjużi li qegħdin viċin ħafna biex bħalma għamilna f’diversi setturi oħra nagħtu valur xieraq u ngħollu l-livell ta’ għajxien lis-suldati fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta.

Ninsabu lesti biex hekk kif nirċievu d-dokument finali tal-pakkett finanzjaru għall-Armata nsejħu lill-membri tagħna sabiex japprovaw il-ftehim settorjali ġdid.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport