Monday, March 23, 2026

GĦANDNA GĦAX INKUNU KBURIN BIL-LINGWA MALTIJA

Aqra wkoll

Mhux darba jew tnejn li minn dawn il-kolonni sħaqna fuq l-importanza li nippreservaw u nħarsu l-lingwa Maltija. Dan għaliex il-lingwa hija dik li tagħmilna dak li aħna bħala poplu, tagħtina identità, u b’hekk irridu naċċertaw li din ma tintilifx.

Il-mistoqsija tibqa’ x’għandu jsir aktar f’dan ir-rigward. Bla dubju huwa tajjeb li l-poplu Malti hu magħruf bħala poplu multi-lingwistiku, tant li hawn Maltin li jafu jitkellmu b’għadd ta’ lingwi u mhux waħda biss. Huwa tajjeb għaliex il-lingwi huma l-iprem mezz ta’ konversazzjoni u komunikazzjoni.

Madankollu, wieħed irid japprezza l-impenn kbir li sar u qiegħed isir biex il-lingwa Maltija tinżamm ħajja, b’attivitajiet kulturali u lingwistiċi kif ukoll bit-twaqqif ta’ aktar entitajiet u istituzzjonijiet. U f’dan il-kuntest għandna għalxiex tassew inkunu kburin bit-talent lokali, li komplew jesponu bl-aktar mod ċar is-sbuħija tal-lingwa Maltija waqt il-festival Mużika Mużika ta’ din is-sena. 

Dan il-festival li issa ħa postu sew fil-kalendarju kulturali annwali ta’ pajjiżna ntlaqa’ b’mod tajjeb ħafna tant li minn sena għal oħra qed ikompli jżid fl-udjenzi tiegħu. L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet waħda ta’ suċċess. Minbarra l-konkorrenza qawwija għalih, l-aktar li spikka kien l-apprezzament lejn il-mużika Maltija.

Għalhekk filwaqt li nawguraw lir-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena, Jasmine Abela, nifirħu wkoll lill-artisti l-oħra kollha li ħadu sehem u taw wirjiet mill-aqwa, li lkoll interpretaw kanzunetti bil-lingwa Maltija, bi stili differenti ta’ mużika. Dan juri l-livell għoli li qed jintlaħaq permezz ta’ dan il-festival. 

Fuq kollox, nemmnu li pjattaformi bħal dawn huma importanti għall-artisti lokali biex mhux biss jesponu t-talenti tagħhom imma wkoll sabiex ikantaw bil-lingwa Maltija. Is-suċċess joħroġ ukoll mill-fatt li dawn il-kanzunetti qegħdin jibqgħu jinstemgħu u jintalbu anke sabiex jindaqqfu f’okkażjonijiet differenti. 

Għalhekk hu tajjeb li dawn il-kanzunetti jkomplu jinstemgħu, kif qiegħed isir, fuq il-mezzi tax-xandir bħalma huma r-radju u t-televiżjoni lokali għaliex il-lingwa Maltija hi xi ħaġa li tassew għandna għalxiex inkunu kburin biha u hi dik li tgħaqqadna flimkien.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport