Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg flimkien mal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-tfal Michael Falzon u Dr Lydia Abela, taw bidu għal kampanja annwali tas-16-il jum kontra l-vjolenza domestika bit-tnedija tat-tema ta’ din is-sena ‘Għandna Ħolma: Futur mingħajr Vjolenza’.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg tat bidu għal kampanja annwali tas-16-il jum kontra l-vjolenza domestika bit-tnedija tat-tema ta’ din is-sena ‘Għandna Ħolma: Futur mingħajr Vjolenza’.

Il-ftuħ tal-kampanja fit-Teatru Sależjan f’Tas-Sliema, kien jinkludi d-debutt tal-kanzunetta ‘Sbejħa’ mill-grupp ‘The Travellers’ li nkitbet għall-okkażjoni b’messaġġi qawwija dwar il-pjaga tal-vjolenza domestika u b’appell biex il-vittmi jingħataw is-sapport meħtieġ filwaqt li qed isir appell biex l-aggressuri jfittxu l-għajnuna għar-riabilitazzjoni tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li b’dan il-mod kreattiv, il-kampanja ta’ din is-sena, li hija parti mill-inizjattiva tan-Nazzjonijiet Magħquda, trid tassigura li l-messaġġ kontra l-vjolenza domestika jinfirex u jasal aktar.
Bħala parti mill-programm ta’ attivitajiet, saru installazzjonijiet f’diversi lokalitajiet bis-simboli tal-kampanja li jinkludu l-messaġġ kontra l-vjolenza domestika. Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg spjegat li l-bank jissinifika l-post ta’ mistrieħ fejn persuna tieqaf biex tisma’ u taqsam il-ħsibijiet tiegħu jew tagħha. Filwaqt li t-teddy bear jissimbolizza t-tgħanniqa tal-imħabba.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li l-impenn kontra l-vjolenza domestika ma jibdiex u lanqas jispiċċa mat-tmiem ta’ din il-kampanja. Il-ħidma tissokta s-sena kollha tant li diġà ġew implimentati kważi 30% tat-tielet strateġija nazzjonali kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg temmet tgħid li filwaqt li l-ebda pajjiż ma jista’ jgħid li huwa ħieles mill-vjolenza domestika, stqarret li bil-ħidma kontinwa ta’ bosta entitajiet sar progress notevoli fis-soċjetà tagħna biex il-pjaga tal-vjolenza domestika tkun indirizzata.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon semma’ kif dawn il-ġranet t’attiviżmu għandhom jibqgħu mfakkra fis-soċjetà tul is-sena kollha. Dr Falzon elenka numru ta’ servizzi li jingħataw mill-FSWS u minn entitajiet oħra sabiex min iħabbat wiċċu mal-vjolenza domestika isib l-għajnuna immedjata.
Dr Falzon tkellem dwar kif il-Gvern permezz ta’ ftehimiet soċjali jiffinanzja numru ta’ shelters u jagħti sapport psikoloġiku f’dawn is-sitwazzjonijiet diffiċli. “Kull tip ta’ vjolenza hija ħażina, iżda meta qed nitkellmu fuq vjolenza domestika qed nitkellmu fuq vjolenza li tiġi mingħand dawk li suppost iħobbuna aktar. Huwa għalhekk fid-dmir tagħna bħala Gvern li nibqgħu nassistu filwaqt li noħolqu aktar għarfien biex min jesperjenza l-vjolenza domestika, ifittex l-għajnuna u jsib is-sapport li jkollu bżonn”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tagħha, Dr Lydia Abela stqarret li t-tema ‘Għandna ħolma – futur mingħajr vjolenza’, mhijiex sempliċiment xewqa jew aspirazzjoni iżda sejħa għall-azzjoni u responsabbiltà kollettiva. Tema li tibni fuq dik tas-sena li għaddiet biex flimkien nieqfu l-vjolenza u flimkien infejqu din il-pjaga tas-soċjetà.
Dr Abela sostniet li rridu nkomplu nedukaw u niġġieldu kontra kull tip ta’ vjolenza, hi tal-liema forma hi, għaliex kull vjolenza hija pjaga għas-soċjetà tagħna. Kompliet li permezz t’attivitajiet bħal dawn qed inkomplu nkissru s-silenzju dwar din il-pjaga. Hija semmiet kif pajjiżna għamel passi importanti f’dan il-qasam b’liġijiet li saħħew l-ugwaljanza, is-servizzi, liġijiet li rrikonoxxew kunċetti legali bħal femiċidju u l-investiment li qed isir fil-hubs li jiffukaw fuq il-vjolenza domestika.
Dr Abela sostniet li rridu nkunu soċjetà li tifhem, tagħraf is-sinjali u turi solidarjetà, mhux ġudizzju. “Futur mingħajr vjolenza jinbena bit-tagħlim, bil-prevenzjoni, bis-servizzi aċċessibbli, u b’soċjetà li ma tiġġudikax lill-vittmi iżda ssegwihom b’appoġġ, rispett u dinjità. Il-vjolenza qatt mhi aċċettabbli, u flimkien nistgħu noħolqu futur fejn il-ħajja fil-familja tkun mibnija fuq rispett, sigurtà u mħabba,” temmet tgħid Dr Lydia Abela.

