Monday, December 23, 2024

“Għandna naraw li fid-diversità li ngħixu fiha, partikolarment fejn jidħlu gżejjer żgħar bħal Għawdex, noħolqu l-pontijiet u mhux il-barrieri” – Josianne Cutajar

Aqra wkoll

Waqt l-attività, Europe meets Gozo, imtella’ mill-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar, b’kollaborazzjoni mas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, ġiet diskussa r-realtà ta’ gżejjer u reġjuni żgħar madwar l-Unjoni Ewropea bħal mhu Għawdex u l-bżonnijiet u l-opportunitajiet speċifiċi ta’ tali postijiet.

L-MPE Cutajar saħqet li l-Ewropa għandha tkun magħquda fid-diversitajiet li jeżistu u dan jista’ jsir billi jiġu rikonoxxuti l-ħtiġijiet li kull post partikolari għandu. “Għandna naraw li fid-diversità li ngħixu fiha, partikolarment fi gżejjer żgħar li jaffaċjaw l-insularita’ doppja bħal Għawdex, noħolqu l-pontijiet u mhux il-barrieri billi naraw il-bżonnijiet u l-potenzjal tagħhom” stqarret Josianne Cutajar.

Dr Cutajar għamlet referenza partikolari għas-settur turistiku u tenniet li t-triq ’il quddiem għal Għawdex hija li jkun assigurat turiżmu sostenibbli bħal dak marbut mal-pajsaġġ u ma’ aspetti oħra bħall-e-mobility u l-ekonomija ċirkolari. Kull ma jmur is-settur turistiku jrid ikun imsejjes mhux sempliċiment fuq il-kwantità iżda l-kwalità. Biex isir dan huwa meħtieġ li nkomplu nagħtu l-għajnuna lin-negozji anke sabiex il-prodott lokali u awtentiku jkun dejjem imsaħħaħ u mgħejun, qalet l-MPE tal-Partit Laburista.

Josianne Cutajar semmiet ukoll l-aspett soċjali u saħqet li biex tkun imtejba l-kwalità tal-ħajja tal-familji huwa meħtieġ impenn sabiex tkun assigurata l-konnetività, id-diġitalizazzjoni u anke aspetti oħra.

Waqt din l-attività għamlu l-interventi tagħhom diversi membri Parlamentari Ewropej oħra fosthom Constanze Krehl, MPE mill-Ġermanja u l-Koordinatriċi tas-Soċjalisti għall-Kumitat tal-Izvilupp Reġjonali (REGI), li saħqet li bħalissa għaddejja ħidma fl-Unjoni Ewropea sabiex ikun hemm simplifikazzjoni tar-regoli Ewropej biex titnaqqas il-burokrazija u sussegwentament ikunu aktar aċċessibli għan-nies. L-MPE mill-Ungerija u l-Viċi Chair tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) István Ujhelyi mill-banda l-oħra semma l-importanza ta’ “smart tourism” u tkellem dwar il-ħidma li qed issir mill-Kumitat TRAN u t-Taskforce tat-Turiżmu fejn jidħol dan il-qasam. 

Tsvetelina Penkova, MPE mill-Bulgarija faħħret il-viżjoni għat-tul li għandu pajjiżna filwaqt li faħħret l-isforzi li Malta għamlet sabiex tiġġieled il-pandemija ta’ Covid-19. Min-naħa tiegħu l-MPE mil-Lussemburgu, Marc Angel, semma l-importanza li l-fatt li Malta hija bilingwali tagħmilha aktar attreanti għal ħafna turisti.

Waqt din l-attività, kienu mistienda diversi stakeholders u msieħba soċjali u kien hemm interventi mill-GRDA, GBC, GTA, MHRA u l-Mediterranean Tourism Forum, b’enfasi wkoll fuq l-importanza li t-turiżmu jingħata importanza reġjonali fil-Mediterran. Fl-għeluq tal-konferenza ħareġ il-punt li l-kollaborazzjoni tista’ titkompla permezz ta’ “Gozo Declaration” bejn l-istakeholders kollha f’dan ir-rigward.

Ekonomija

Sport