Wednesday, December 18, 2024

“Għandna ndawru l-isfidi taċ-ċirkostanzi preżenti f’opportunità għal ekonomija ħadra b’enerġija rinovabbli”

L-MEP Laburista, Cyrus Engerer

Aqra wkoll

“Irridu nħarsu lejn iċ-ċirkostanzi preżenti bħala opportunità għall-bidla ambjentali. Għandna ndawru l-isfidi tal-irkupru mill-pandemija u s-sanzjonijiet fuq ir-Russja f’opportunità għal ekonomija ħadra mibnija fuq enerġija rinovabbli,”  qal dan l-MEP Laburista Cyrus Engerer f’konferenza li organizza fil-Parlament Ewropew, flimkien ma’ Huawei Europe u GESI (The Global Enabling Sustainability Initiative). 

Engerer irrefera għad-diskors mix-xettiċi dwar il-klima fuq jekk dan hux iż-żmien għall-bidla. “It-tibdil fil-klima mhux se jistenna lill-bniedem isolvi l-kunflitti tiegħu,” qal Engerer b’referenza lejn il-gwerra fl-Ukrajna.

“L-emerġenza tal-klima hi waħda li issa qed tidher kullimkien. Diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea bħalissa għaddejjin b’diversi preparamenti biex jilqgħu għal sajf ieħor li mistenni jġib miegħu estremitajiet fit-temp bħalma rajna fis-snin li għaddew,” kompla Engerer.

Hu saħaq li l-politika ambjentali tagħna fuq livell Ewropew trid tkun waħda b’saħħitha filwaqt li tassigura li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. Għaldaqstant, il-Fond Soċjali għall-Klima li kien propost mill-progressivi Ewropej hu għodda importanti biex il-familji u n-negozji ż-żgħar ikunu parti mill-bidla ambjentali mingħajr ma jkollhom iġorru l-piż ta’ din il-bidla, argumenta Engerer. 

L-MEP Laburista sostna li minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija matul dawn l-aħħar sentejn, l-Unjoni Ewropea kienet fuq quddiem nett għall-ambjent – l-iktar grupp ta’ pajjiżi ambizzjużi fuq il-klima, bl-aktar liġijiet u miri b’saħħithom. 

Engerer tkellem fuq il-kisbiet ambjentali tal-Unjoni Eworpea matul dan iż-żmien: “Aħna l-unika kontinent b’liġi dwar il-klima; l-ewwel li kkommettejna ruħna biex inkunu newtrali mil-karbonju sas-sena 2050, li issa hu obbligu legali għall-Istati Membri; fassalna miri immedjati għat-tnaqqis fl-emissjonijiet b’55% fit-tmien snin li ġejjin; u se nkomplu nipproteġu l-ambjent u n-natura permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jibni ekonomija ċirkulari u sostenibbli”. 

Engerer ikkonkluda li minkejja li l-Ewropa qiegħda tmexxi din il-bidla globali, trid tkompli tisma’ liċ-ċittadini li qegħdin jappellaw għal tibdil aktar b’saħħtu u kuraġġjuż fuq l-ambjent — sentiment li esprimew iċ-ċittadini preżenti fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. “M’għandniex inħarsu lejn il-politika u l-liġijiet li qegħdin infasslu mil-lenti ta’ piż, iżda huma s-soluzzjoni biex nipproteġu saħħitna u s-saħħa tal-ambjent ta’ madwarna,” temm jgħid Engerer. 

Ekonomija

Sport