Saturday, August 9, 2025

GĦANDNA NKUNU KBURIN BIL-WIRT KULTURALI TAGĦNA

Aqra wkoll

L-arti u l-kultura huma l-identità ta’ poplu. Huwa għalhekk li l-kultura u t-tradizzjonijiet jiddistingwu poplu minn ieħor. Il-futur tal-wirt kulturali qed jingħata importanza kbira tant li ġie mdaħħal fil-Viżjoni Malta 2050.

Nemmnu li l-wirt storiku li aħna mogħnija bih huwa kruċjali mhux biss aħna u nħarsu lejn il-passat, imma anke meta niġu biex inħarsu lejn il-futur. Huwa għalhekk importanti li nibqgħu nsostnuh bl-aħjar mod possibbli, kif fil-fatt qiegħed isir.

F’dan l-ambitu, wieħed jinnota wkoll kif aktar viżitaturi qegħdin iżuru diversi siti li huma mmexxija minn Heritage Malta, riżultati li jkomplu juru kemm Malta qed tkompli tiġbed interess bil-valuri kulturali tagħha u anke l-esperjenzi li toffri.

Għalhekk b’investiment kontinwu fil-preservazzjoni u restawr, ikun żgurat li dan il-patrimonju jibqa’ ħaj u aċċessibbli għal kulħadd. Aħna nilqgħu wkoll l-investiment li qed isir biex aktar tfal u żgħażagħ ikomplu jimirħu fl-oqsma tal-arti u l-kultura u b’dan il-mod jissaħħaħ il-legat li writna.

Huwa għalhekk li l-kultura tinkludi fiha elementi diversi, bil-karatteristiċi uniċi tagħhom mifruxa matul is-sena kollha. B’mod partikolari f’dan iż-żmien ta’ festi li qed jiġu ċċelebrati fil-lokalitajiet rispettivi madwar Malta u Għawdex.

Element ieħor importanti jibqa’ dak tal-lingwa u l-ħtieġa li nibqgħu nibżgħu għal art twelidna. Filwaqt li pajjiżna huwa parti mid-dinja u ma jgħix f’iżolament, u għalhekk nifhmu li ma fiha xejn ħażin, anzi huwa tajjeb ħafna li nkunu multilingwistiċi u nkunu nafu nitkellmu b’ilsna oħra differenti, b’danakollu m’għandniex nagħmlu dan għas-skapitu ta’ lsien art twelidna stess.

Il-poplu ma jgħix biss bil-ħobż imma wkoll b’affarijiet oħra. U għalhekk għandu jkun kburi bil-wirt kulturali li ħallewlna missirijietna li llum aħna fid-dmir inħalluh intatt lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport